Nhar it-Tnejn li ġej l-iskejjel kollha se jiftħu b’mod normali, bl-edukaturi jidħlu għax-xogħol wara ftehim li ntlaħaq bejn il-Gvern u r-rappreżentanti tal-għalliema, b’dawn ikunu l-unjin tal-għalliema l-MUT, is-Segretarjat għall-Edukazzjoni Nisranija, l-Assoċjazzjoni tal-Iskejjel tal-Knisja u l-Assoċjazzjoni tal-Iskejjel Indipendenti.
L-iskejjel se jiftħu bil-miżuri kollha li ddaħħlu skont il-protokolli maqbula mas-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci.
Il-partijiet qablu li l-proċedura tal-intraċċar tal-kuntatti u l-implimentazzjoni tal-protokolli tkun imsaħħa.
Dan filwaqt li jkun hemm titjib fil-proċedura ta’ ċertifikati tal-mard li jiġu ppreżentati fl-iskejjel.
Il-Gvern qal ukoll li l-ħaddiema fl-iskejjel se jkunu ta’ prijorità fil-programm tal-implimentazzjoni tat-tilqim għall-kontra l-Covid-19.
Dan filwaqt li l-partijiet kollha ser ikollhom aġġornament kull ġimgħa permezz ta’ ċifri aġġornati dwar l-effett tal-pandemija fl-iskejjel.
B’reazzjoni għal dan il-ftehim, il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana spjegat kif tinsab sodisfatta li d-diskussjoni li wasslet għal dan il-ftehim kienet waħda produttiva u li wasslet għal turija ta’ apprezzament għall-edukaturi f’pajjiżna. Dan filwaqt li t-twaqqif ta’ ‘working group’ ser ikun qed isaħħaħ id-djalogu ma’ dawn il-professjonisti.
“Irridu ngħaddu messaġġ tax-xogħol kbir li qed iwettqu l-edukaturi tagħna, għaliex ukoll anke fl-imxija tal-pandemija, fl-iskejjel tagħna sar ħafna xogħol u allura dak impatta b’mod pożittiv ħafna fuq il-komunità wkoll. U l-fatt li qed isir dan ir-rikonoxximent permezz ta’ vaċċinazzjoni iktar bikrija tal-għalliema tagħna. Qed ngħaddu messaġġ ċar ta’ kemm napprezzaw u nivvalorizzaw il-ħidma tal-edukaturi tagħna.”
Intant fi tmiem laqgħa bejn il-Gvern u l-MUT li damet tul in-nofs ta’ nhar ta’ filgħodu tal-Ġimgħa, il-President tal-MUT Marco Bonnici stqarr li l-unjin ħarġet sodisfatta bl-informazzjoni u l-ispjegazzjoni li ngħataw kemm mis-supretendent tas-saħħa pubblika, l-Professur Charmaine Gauci u mill-istatistiku Vincent Marmara.
“Kien hemm spjegazzjoni llum u ovjament hi ser tkun qed tindirizza anke issa fil-bulettini tagħha, kien hemm ukoll Dr. Vincent Marmara li ġie mistieden anke min-naħa tagħna biex anke hu jagħti l-ispjegazzjoni min-naħa ta’ statistika. Rajniha ovjament għandna l-informazzjoni kollha ċara quddiemna.”
Fi stqarrija konġunta maħruġa mill-Gvern u l-partijiet kkonċernati ġie spjegat kif l-Awtoritajiet tas-Saħħa qed jaraw li l-ftuħ tal-iskejjel jista’ jgħin biex titrażżan il-pandemija.
Spjegat aktar dwar dan, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika il-Professur Charmaine Gauci, waqt il-bullettin mediku ta’ kull nhar ta’ Ġimgħa.
“Meta inti jkollok l-iskola għaddejja, dawn ikunu qed jikkontribwixxu wkoll għal dak li aħna ngħidulu nuqqas propju ta’ każijiet fil-komunitá minħabba li l-‘behaviour’ tan-nies u l-familji meta jkollok it-tfal li jkunu qiegħdin fl-iskola, huma hemmhekk ikunu qed jikkontribwixxu wkoll li ma jkollokx daqshekk ‘social events’ u dan kollu. Allura l-iskejjel propju, bil-mezzi ta’ mitigazzjoni li kellhom fil-post u li għad għandhom ser ikunu qiegħdin jikkontribwixxu għal kontroll ta’ din il-pandemija.”
Intant b’reazzjoni għall-ftehim fuq il-paġna tiegħu fuq facebook, il-Prim Ministru Robert Abela, li kien involut direttament fit-taħdidiet, qal li kuntent ħafna li ntlaħaq ftehim.
Spjega kif din hija aħbar sabiħa ferm għall-edukazzjoni ta’ wliedna.
Saħaq li s-sigurtà fl-iskejjel tagħna tibqa’ ta’ prijorità għall-Gvern. Dan filwaqt li rringrazzja lil kull min jaħdem fis-settur edukattiv għall-kontribut fl-iżvilupp edukattiv, soċjali u ekonomiku ta’ pajjiżna.