Skont tliet uffiċjali għolja mill-Ukrajna, l-Ukrajna u l-Istati Uniti laħqu ftehim ekonomiku li jinkludi l-isfruttament tal-minerali prezzjużi tal-Ukrajna.
Intqal li l-Ukrajna qed jittamaw li dan il-ftehim se jtejjeb ir-relazzjonijiet mal-Istati Uniti u jassigura s-sigurtà li l-pajjiż tant jeħtieġ.
Filfatt qed isiru pjanijiet sabiex il-President Ukren Volodymyr Zelensky jiltaqa’ mal-President Amerikan Donald Trump fl-Istati Uniti.
Mistoqsi dwar dan, Trump qal li sama’ li kien se jmur għandu l-Ġimgħa u li għalih dan kien tajjeb jekk kien lest li jiffirma miegħu.
Il-ġimgħa l-oħra Trump kien għajjar lil Zelensky dittatur u heddu li jekk ma kienx se jintlaħaq ftehim ta’ waqfien mill-ġlied malajr ma kienx se jibqgħalu pajjiż.
Aktar kmieni, Trump kien ippropona ftehim li jgħati aċċess lill-Istati Uniti għall-minerali rari li għandha fl-art tagħha l-Ukrajna bħala tpattija għall-appoġġ u s-sostenn iżda Zelensky kien irrifjuta għax qal li l-ftehim ma kienx joffri biżżejjed garanziji ta’ sigurtà.
Il-Ħadd, waqt laqgħa tal-uffiċjali tal-gvern, Zelensky tenna li kien importanti li jiġu diskussi l-garanziji tas-sigurtà għall-Ukrajna l-ewwel mill-Ewropa iżda żgur li għandhom bżonnhom ukoll mill-Istati Uniti.
Għalkemm qed ikun irrappurtat li l-ftehim il-ġdid xorta ma fiehx garanziji ċari ta’ sigurtà, l-uffiċjali Ukreni qed isostnu li l-kundizzjonijiet offruti huma aħjar minn ta’ qabel. Jidher li t-talba inizjali għad-dritt ta’ madwar nofs biljun dollaru fi dħul potenzjali mill-użu tar-riżorsi naturali tal-Ukrajna tneħħew.