Mal-ħdax-il elf tifel u tifla li jattendu fi skejjel indipendenti jew tal-Knisja se jibbenefikaw minn trasport b’xejn.
Dan hekk kif intlaħqet bażi tajba ħafna ta’ ftehim biex għall-ħames snin li ġejjin ikun il-Gvern li b’mod dirett iħallas għat-trasport tal-iskejjel tal-privat u tal-Knisja.
Żvela dan il-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo ma’ ONE News, fejn spjega li wara l-ftehim għal trasport b’xejn għal studenti fl-iskejjel tal-istat, kien imiss dan il-pass għal skejjel tal-privat u tal-Knisja.Id-differenza issa se tkun li l-ġenituri ta’ tfal li jagħmlu użu minn dan is-servizz, mhu se jħallsu xejn biex jibagħu lil uliedhom l-iskola bil-vannijiet.
B’hekk, innota l-Ministru, anke l-operaturi jkunu rashom mistrieħa li se jitħallsu direttament mill-Gvern mingħajr il-bżonn li jiġru wara flushom.
Il-Ministru nnota kif din il-miżura se ġġib serħan il-moħħ ikbar għal bosta ġenituri hekk kif il-ħlasijiet għall-iskejjel privati u tal-knisja kienu jvarjaw skont l-iskola, u kienu jwasslu għal ħlasijiet sostanzjali speċjalment f’każ ta’ iktar minn wild wieħed jagħmel użu minn dan is-servizz.
Barra minn hekk, din il-miżura mistennija tkun fattur ieħor biex jitnaqqas it-traffiku f’pajjiżna.
Lil hinn minn dan, il-Ministru spjega li din hija miżura ta’ ġustizzja soċjali, biex jittaffa l-piż minn fuq il-familji.
Miżura li hi frott il-qagħda tajba li għaddej minnha pajjiżna.
Il-Ministru spjega li dettalji dwar dan il-qbil se jingħataw ladarba jiġi konkluż u ffirmat il-ftehim fil-jiem li ġejjin.