Sal-ħarifa ta’ sentejn oħra, iċ-ċarġer komuni se jkun sar realtà hekk kif se jkunu qed jintemmu il-varjeta’ ta’ ċarġers, filwaqt li b’hekk tiżdied il-konvenjenza għall-konsumaturi u jitnaqqas b’mod sinifikanti l-iskart ambjentali.
Il-Membru Parlamentari Ewropew tal-Partit Laburista, Alex Agius Saliba, li kien in-negozjatur ewlieni tal-Parlament Ewropew f’dan in-negozjati qal li din il-proposta kienet ilha tiġi diskussa għaxar snin, iżda fi żmien disa’ xhur biss kien hemm ftehim wara li l-Kummissjoni Ewropea ressqet din il-proposta.
Agius Saliba qal li permezz ta’ dan il-ftehim mhux se jkun hemm iżjed frustrazzjoni għall-konsumaturi Ewropej b’ċarġers diversi li jkunu fi djarna. Intqal ukoll kif permezz ta’ dan il-ftehim, in-nies se jkunu jistgħu jużaw ċarġer wieħed komuni.
Permezz ta’ dan il-ftehim, iċ-ċarġers mill-ħarifa tal-elfejn erbgħa u għoxrin se jkunu kollha tat-tip USB C għall-mowbajls, it-tablets u l-kameras kollha, waqt li mis-sena ta’ wara se tkun għall-laptops kollha.
Dan se jwassal biex iċ-ċarġers kollha elettroniċi se jkunu tal-istess tip.
Agius Saliba qal, “Il-konsumaturi qed nistmaw qegħdin ifaddlu ta’ kull sena, jiffrankaw aktar minn kwart ta’ biljun ewro f’chargers li ħafna kumpaniji kienu qegħdin iġgħieluna nixtru ta’ bilfors. L-ambjent tagħna se jkun qiegħed jibbenefika minn ħdax-il elf sa erbatax-il elf tunnellata inqas ta’ skart elettroniku li dawn iċ-chargers kienu qegħdin jiġġeneraw.”