Kważi 200 pajjiż laħqu ftehim importanti ferm biex jitniedi fond ta’ appoġġ għall-nazzjonijiet l-aktar milquta mit-tibdil fil-klima.
Pajjiżi foqra ilhom 30 sena jitolbu lill-pajjiżi sinjuri għall-għajnuna finanzjarja għall-ħsara ambjentali kkawżata mit-tisħin globali.
Dan il-ftehim intlaħaq wara sigħat ta’ negozjar intensivi matul il-lejl li għadda fis-Summit COP 27.
Intant, il-kritiċi qalu li dan is-summit tan-Nazzjonijiet Magħquda fl-Eġġittu ma sarux biżejjed sforzi biex jitnaqqsu l-emissjonijiet li jikkawżaw it-tibdil fil-klima.
Fil-fatt, l-istess sentiment esprimih is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda, António Guterres, fejn qal li s-summit ma ndirizzax il-ħtieġa għal tnaqqis drastiku u d-dinja għadha fi stat ta’ emerġenza.