Il-Ministru għas-Saħħa Jo Etienne Abela ħabbar li ntlaħaq qbil mal-Assoċjazzjoni Medika Maltija, il-MAM, b’rabta mad-direttivi li kellha fis-seħħ dwar il-ftehim ma’ tliet sptarijiet privati biex jieħdu ħsieb każi mhux serji ta’ emerġenza. B’hekk jonqos il-piż minn fuq Mater Dei f’dan iż-żmien fejn il-mard respiratorju jgħolli rasu.
Il-MAM kienet ordnat direttivi biex it-tobba jieqfu jittrasferixxu pazjenti fl-isptarijiet privati u b’hekk ixxekklet ħidma tal-Gvern biex jiġu indirizzati listi ta’ stennija. Il-Gvern dejjem appella biex in-negozjati jkomplu favur il-pazjenti Maltin u Għawdxin.
Safrattant, il-Prim Ministru Robert Abela, permezz ta’ post fuq il-pjattaforma X, esprima l-gratitudni tiegħu lejn dan il-ftehim.
Permezz ta’ messaġġ fuq Faceboook, il-Ministru Abela rringrazzja lit-tim ta’ uffiċjali fil-Ministeru u l-Isptar Mater Dei, il-Kura Primarja u mill-Industrial Relations Unit, hekk kif il-buon sens rebaħ għall-ġid tal-marid.