Permezz ta’ stqarrija mill-Uffiċċju tal-President, tħabbar li ntagħżlu ħames Maġistrati ġodda.
Il-ħames Maġistrati ġodda li ser ikunu qed iservu fil-Qrati Inferjuri ta’ pajjiżna huma Dott. Agius Bonnici Antoine, Dott. Galea Farrugia Philip, Dott. Grech Jean Paul, Dott. Thake Anne Marie u Dott. Vella Nadia Helena.
L-għażla ta’ dawn il-Maġistrati ġodda saret wara sejħa pubblika mill-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard fit-13 ta’ Ottubru 2023.
Fil-fatt ġie spjegat kif b’kollox il-Kumitat dwar il-Ħatriet tal-Ġudikatura irċieva wieħed u tletin espressjoni ta’ interess. Madankollu, tnejn ġew irtirati u waħda ma kienetx eliġibbli.
Intant, l-Uffiċċju tal-President ippubblika wkoll l-ismijiet tal-kandidati li ġew irrakkomandati bħala idonei għall-ħatra ta’ Maġistrat tal-Qorti Inferjuri, lil dan l-istess uffiċċju.
Din iż-żieda fil-korp tal-ġudikatura hija parti minn proċess intiż li jkompli jżid l-effiċjenza fil-Qrati filwaqt li dan isir b’konformità mal-impenn fil-manifest elettorali ‘Malta Flimkien’, li llum huwa l-pjan ta’ ħidma tal-Gvern, u b’diskussjoni mal-Prim Imħallef.
Din iż-żieda ser tkompli ssaħħaħ il-korp tal-ġudikatura li diġà huwa l-akbar wieħed fl-istorja tal-Qrati tagħna. Dan ser iwassal ukoll għal żieda fl-ammont ta’ ġudikanti meta pparagunat mal-popolazzjoni kif kalkolat fl-evalwazzjonijiet internazzjonali tas-sistemi ġudizzjarji.