Eluf ta’ Musulmani f’diversi pajjiżi madwar id-dinja qed jipprotestaw biex jesprimu r-rabja tagħhom lejn Franza għall-ostilità li skonthom qed turi fil-konfront tal-Iżlam.
Il-protesti bdew wara t-talb fil-jum tal-Ġimgħa fosthom fil-Pakistan, il-Bangladesh, il-Libanu u pajjiżi oħrajn. Fil-Pakistan, il-pulizija kienu kostretti jużaw il-gass tad-dmugħ meta d-dimostranti bdew mexijin lejn l-Ambaxxata Franċiża.
Id-demostranti reġgħu tennew il-bojkott ta’ prodotti Franċiżi filwaqt li kkundannaw lill-President Franċiż, Emmanuel Macron.
Macron jinsab fil-mira tal-komunità Musulmana għall-kummenti li għadda riċentment fuq l-Iżlam.
Dan wara li għalliem inqatel brutalment wara li wera karikatura tal-Profeta Muhammed lill-istudenti tiegħu waqt lezzjoni dwar il-libertà tal-espressjoni.