Kmieni l-Ħadd filgħodu, il-qorti formalment arrestat lis-Sindku ta’ Istanbul Ekrem Imamoglu u ordnat li jibqa’ miżmum fil-ħabs sakemm jibda l-ġuri tiegħu b’akkużi ta’ korruzzjoni. L-uffiċċju tal-Prosekuzzjoni qed jakkużah li stabbilixxa u mexxa organizzazzjoni kriminali, b’tixħim u estorzzjoni, li rrekordja dejta personali kontra l-liġi u li babas tender. Għalkemm il-prosekuzzjoni qed ukoll takkużah li għen lill-Partit PKK, il-Qorti ċaħdet li toħroġ akkużi ta’ atti terroristiċi għal issa.
Eżatt wara d-deċiżjoni tal-Qorti, Emamoglu kien trasferit għall-ħabs ta’ Silivri. Miegħu kienu miżmuma 47 persuna oħra li se jkunu qed jitressqu b’akkużi marbuta mal-istess każ. Il-Ministru tal-Intern iddikjara li sakemm idum arrestat, Emamoglu huwa sospiż mill-pożizzjoni ta’ Sindku.
Ilbieraħ filgħaxija, għall-ħames jum konsekuttiv, minn mindu kien arrestat nhar l-Erbgħa, folol kbar inġabru quddiem is-City Hall ta’ Istanbul ixejru bnadar Torok filwaqt li jkantaw quddiem ringiela ta’ pulizija tal-irvellijiet.
Id-dimostranti qed jitolbu għall-ħelsien ta’ Imamoglu u jakkużaw lill-President Recep Tayyip Erdogan b’azzjonijiet politikament motivati.
Ilbieraħ, Imamoglu, meqjus bħala l-akbar rivali politiku ta’ Erdogan, kien suppost se jinħatar il-kandidat uffiċjali tal-Partit Repubblikan tal-Poplu, is-CHP, għall-elezzjonijiet tal-2028.
B’konsegwenza tal-arrest tiegħu, ilbieraħ filgħaxija kien hemm l-agħar protesti li saru fil-pajjiż f’aktar minn 10 snin, hekk kif ġew sparati bullits tal-lastiku u gass tad-dmugħ fuq id-dimostranti li minn naħa tagħhom tefgħu flares u ġebel lejn il-pulizija tal-irvellijiet.
Imamoglu saħaq li l-allegazzjonijiet kienu politikament motivati, u qabel ma kien arrestat fuq is-sit ‘X’ kiteb li qatt ma kien se jbaxxi rasu.
Il-President Erdogan ikkundanna d-dimostrazzjonijiet u akkuża lill-Partit ta’ Imamoglu li kien qed inaffar il-paċi u jaqsam il-poplu.
B’kollox s’issa saru mill-anqas 55 protesta f’81 provinċja tat-Turkija li jammontaw għall-aktar minn żewġ terzi tal-pajjiż.
Dan l-arrest ma jimpediex il-kandidatura ta’ Imamoglu għall-elezzjoni presidenzjali sakemm ma jinstabx ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.
Il-Partit CHP qal li kważi 15-il miljun persuna tefgħu l-vot tagħhom il-Ħadd, fejn filwaqt li 1.6 miljun vot kienu tal-membri tagħhom, l-oħrajn kienu mingħand dawk li riedu juru solidarjetà ma’ Imamoglu.