Il-Partit Nazzjonalista tal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil kompla jintensifika l-attakk kontra l-President ta’ Malta George Vella.
Issa kien imiss lis-sieħba tal-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil li fuq is-Sunday Times tiftaħ attakk bla rażan fuq Dr George Vella.
Wara li Simon Busuttil talab għar-riżenja tal-President tar-Repubblika, issa s-sieħba tiegħu, Kristina Chetcuti nfexxet f’attakk fuq Dr Vella billi qalet li l-prijorità tal-President ta’ Malta hija hu nnifsu u l-pożizzjoni politika tiegħu.
Bi kliem li jista’ jiġi interpretati bħala wieħed mimli insulti hija qalet li l-President ta’ Malta jipprietka l-għaqda mis-siġġu tad-deheb li għandu f’Sant’Anton.
L-ewwel li fetaħ attakk fuq il-President ta’ Malta wara r-rapport tal-inkjesta pubblika kien l-eks kandidat Nazzjonalista u ħaten Beppe Fenech Adami, Kevin Cassar.
Din il-ġimgħa Cassar, li qatt ma nġabar f’elezzjoni li kkontesta, kiteb biex jirriżenja l-President tar-Repubblika ta’ Malta.
Fl-istess jum li ġie ppubblikat l-artiklu ta’ Cassar, Simon Busuttil kompla bl-għajta tal-fazzjoni tiegħu fil-Partit Nazzjonalista, l-istess fazzjoni li llum hija wara Bernard Grech, wara li għamlitu Kap.
Fuq il-paġna tiegħu fuq facebook, Simon Busuttil imbotta l-artiklu ta’ Kevin Cassar u qal li jekk Dr Vella jirrispetta l-uffiċċju tal-President, huwa għandu jirriżenja.
Ma’ Simon Busuttil ingħaqad Jason Azzopardi, dak li kien ħareġ bid-deputati tal-Blue Heroes u wieħed mid-deputati viċin l-għaqda Repubblika u Manuel Delia.
Fuq facebook Jason Azzopardi stieden lin-nies jaqraw l-artiklu ta’ Kevin Cassar dwar it-talba għar-riżenja tal-President ta’ Malta u qal kemm kellu raġun f’dak li kiteb Cassar.