L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta temm ix-xogħlijiet li permezz tagħhom ta wiċċ ġdid lill-Mitjar 05-23.
Dan tħabbar fi stqarrija l-Ħamis waranofsinhar hekk kif ġie spjegat li dan il-mitjar sekondarju tal-ajruport, twil 2.4 kilometru, inbena bħala bażi militari tal-ajru fi żmien li Malta kienet kolonja tar-Renju Unit.
Il-mitjar infetaħ mill-ġdid għall-Avjazzjoni Ġenerali, bl-operat kollu mistenni jirritorna għan-normal sal-aħħar tal-2023, b’xi xogħlijiet infrastrutturali żgħar skedati li jsiru fil-bidu ta’ Jannar.
Mitjar 05-23 jintuża l-aktar mill-ajruplani tal-Avjazzjoni Ġenerali u anke minn istituzzjonijiet ta’ taħriġ tal-avjazzjoni. Madanakollu, l-istess mitjar jintuża wkoll minn 9% tat-traffiku kummerċjali tal-ajruport. Apparti aktar flessibilità lill-operat tal-ajruport, ġie spjegat kif ix-xogħlijiet ta’ ristrutturar li saru fuq dan il-mitjar huma kruċjali biex eventwalment, fis-snin li ġejjin, jibdew xogħlijiet infrastrutturali importanti fuq il-Mitjar 13-31, il-mitjar ewlieni tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.