Intemmu sensiela ta’ laqgħat marbuta mal-ħames pilastri tal-Viżjoni Ekonomika għal Malta għal dawn l-għaxar snin.
Fl-aħħar laqgħa dwar l-infrastruttura ta’ kwalità għolja u investiment sal-2031 il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri ħabbar li Malta qed taspira li fl-10 snin li ġejjin se jkollha ambjent infrastrutturali u sostenbbli mill-aqwa kemm fl-art, baħar u ajru, li tippermetti l-aqwa opportunitajiet ta’ xogħol għal kwalità ta’ ħajja itjeb għall-familji u n-negozji.
Il-Ministru Schembri stqarr: “Dan kollu jorbot sabiex inkomplu ngħollu l-livell tal-investiment li nġibu. Bħala pajjiż għamilna avvanzi u rridu naraw li nkomplu nsaħħu l-kwalità u naraw li anke l-kwalità tal-pagi ikomplu jgħolew.”
Il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela stqarr li din il-viżjoni ekonomika trid taspira li jkollha ambizzjonijiet kbar, li jintlaħqu mhux biss mill-Gvern waħdu iżda flimkien mal-partijiet interessati kollha.
Huwa qal, “Kruċjali li aħna nkomplu nikbru. It-tkabbir ekonomiku ma jasalx biss illi ninvestu f’pajjiżna imma l-kumpaniji filwaqt li jibqgħu jħarsu l-fiduċja tajjeb li nħarsu lil hinn minn xtutna.”
Il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia qal li huwa importanti li nkomplu nħarsu ‘l quddiem lejn it-tisħiħ tal-ekonomija tal-pajjiż u nkomplu ninvestu fl-anzjani, kemm fis-settur residenzjali u kemm fil-komunità.
Huwa sostna: “Id-diskussjoni li kellna tqawwili ħafna qalbi li nara s-setturi ekonomiċi ta’ pajjiżna li hemm vizjoni u tkabbir ekonomiku. Dan huwa mod kif is-settur soċjali ikun aktar sostenibbli.”
Is-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi saħaq dwar il-ħtieġa li nkomplu ninvestu fl-infrastruttura ta’ pajjiżna. Matul is-snin saru ħafna investimenti f’dan il-qasam permezz ta’ fondi Ewropej u permezz tal-programm il-ġdid, se nkomplu ninvestu fondi Ewropej fl-infrastruttura.
Huwa saħaq: “Ibbażat fuq l-esperjenza se nkomplu nagħmlu aktar investmenti fl-infrastruttura fl-aktar tifsira biex inlaħħqu mal-miri tagħna.”