Ftit ħin ieħor tasal fi tmiemha ż-żjara uffiċjali li għamlet il-Ministru tal-Istat għall-Affarjiet Esterni u għall-Kultura Indjana, Meenakshi Lekhi: żjara ta’ jumejn li fiha Lekhi kellha għadd ta’ taħditiet.
Wara li ltaqgħet mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ, Ian Borg, il-Ministru Indjana żaret lill-President ta’ Malta, George Vella, fil-Palazz ta’ Sant’ Anton. Huma ddiskutew ir-relazzjonijiet eċċellenti bejn iż-żewġ pajjiżi bbażati fuq ir-rispett reċiproku, l-Istat tad-dritt, u d-diplomazija. Tkellmu wkoll fuq il-valuri komuni taż-żewġ pajjiżi.
Il-Ministru Lekhi kellha wkoll laqgħa mal-Ministru għat-Turiżmu, Clayton Bartolo, li fiha ġew diskussi l-importanza li jkun hemm iżjed kooperazzjoni bilaterali bejn Malta u l-Indja fil-qasam turistiku.
Illum, il-Ministru Indjana kellha laqgħa uffiċjali mal-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti, u l-Gvern Lokali Owen Bonnici. Il-Ministru Bonnici ddeskriva lill-Indja bħala sieħeb strateġiku ewlieni għall-Unjoni Ewropea, biż-żewġ pajjiżi jikkooperaw b’mod attiv fuq kwistjonijiet reġjonali u globali.
Huwa żied jgħid li Malta hija ħerqana biex tintensifika l-kooperazzjoni kulturali tagħha mal-Indja, filwaqt li nnota l-importanza li ż-żewġ gvernijiet jagħtu lis-settur kulturali.
Il-Ministru Lehki rrimarkat li hija impressjonata ħafna b’kif is-settur tal-kultura f’Malta qabad pass mgħaġġel ħafna wara l-pandemija. Qalet ukoll li tinsab ħerqana biex tkompli taħdem flimkien ma’ pajjiżna għal inizjattivi kulturali aktar b’saħħithom.