Intemmet is-sena li fiha tfakkar it-800 sena mill-mewt ta’ San Duminku.
Sena li rat bosta ċelebrazzjonijiet mill-Patrijiet Dumnikani.
Fil-Knisja tad-Dumnikani fil-Birgu ONE News iltaqa’ mal-Pirjol Dumnikan Aaron Zahra li qasam magħna l-isfida ewlenija li ltaqgħu magħha tul is-sena li ntemmet.
Stqarr, “Kellna sena ta’ ċelebrazzjonijiet kważi ċelebrazzjoni kull xahar. L-ikbar sfida kienet il-pandemija, il-programm kellu jinbidel kemm il-darba iżda minkejja kollox naħseb li sakemm tawna d-direttivi ċċelebrajna dak li stajna.”
Iċ-ċelebrazzjonijiet se jintemmu matul din il-ġimgħa, propju fil-festa tal-Epifanija.
Huwa tenna, “Marbut mal-festa tal-Epifanija, waħda mis-simboli ta’ San Duminku hija l-kewkba, l-istilla fuq rasu, allura l-istilla li waslet il-maġi għand Ġesu bħala Dumnikani l-predikazzjoni tagħna nkunu ta’ dawl għal-ġnus kollha.”
Il-Patri Dumnikan żied jispjega kif se jintlaħaq il-qofol ta’ dawn iċ-ċelebrazzjonijiet.
Tenna, “Iċ-ċelebrazzjonijiet jilħqu l-qofol tagħhom fit-tmienja u d-disa’ ta’ Jannar, fit-tmienja se jkollna kunċert vokali u strumentali mill-għaqda filarmonika Prince of Wales Own tal-Birgu u l-Ħadd filgħodu se jkollna Pontifikal solenni, wara se jinkixef il-monument u rħama u filgħaxija ngħalqu bit-talba tal-għasar u t-Te Deum u r-repożizzjoni tar-relikwija u għanda sorpriża filgħaxija.”