Matul il-jum tal-Ġimgħa, il-Prim Ministru Robert Abela kompla jattendi għall-Summit Speċjali tal-Kunsill Ewropew fi Brussell, li kien maqsum fuq jumejn.
F’dan is-summit ġiet diskussa s-sitwazzjoni fil-Lvant tal-Mediterran, speċjalment is-sitwazzjoni mat-Turkija.
Il-Prim Ministru Robert Abela saħaq kif l-Unjoni Ewropea m’għandiex biss tħares lejn biċċa mill-Mediterran, iżda lejn il-Mediterran wieħed għaliex dan jaffettwa lill-pajjiżi kollha li jmissu miegħu.
Il-Prim Ministru Malti sostna, “Aħna l-punt li wassalna kien, ejja nħarsu lejn id-diffikultajiet li hemm fil-Mediterran u l-messaġġ mhux wieħed ta’ sanzjonijiet fuq it-Turkija. Inwasslu l-messaġġ, li bil-paċi, bid-djalogu toħloq l-istabilità, bl-istabilità ssolvi d-diffikultajiet illi hemm. Iktar milli sanzjonijiet nemmnu fit-triq tal-paċi u ta’ djalogu.”
F’dan is-summit, is-sebgħa u għoxrin mexxej Ewropew qablu li għandu jkun hemm il-ħtieġa li s-suq waħdieni madwar l-Unjoni Ewropea jerġa’ jmur lura għan-normal, wara li dan ġie affettwat mill-pandemija tal-Covid-19.
Il-mexxejja Ewropew qablu li s-suq waħdieni jibbaża aktar fuq dimensjoni diġitali sabiex tissaħħaħ il-kompetittività globali.
Fi kliem, il-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel qal li dan tal-lum kien pass importanti ‘l quddiem.
Hu qal, “We agreed formally our conclusions on the digital and single market. This is a very strong signal, important step that we are making today.”
Dwar is-sitwazzjoni preżenti fil-Belarus, il-mexxejja Ewropej qablu li għandhom jimponu sanzjonijiet fuq erbgħin persuna, li huma responsabbli mir-repressjoni li hemm f’dan il-pajjiż.
Dwar is-sitwazzjoni fir-reġjun ta’ Nagorno-Karabakh, qablu li jkun hemm diskussjonijiet dwar paċi f’dan ir-reġjun.
F’dan is-summit, il-President tal-Kunsill Ewropew ressaq ‘il quddiem l-agenda li se jkunu qed jiddiskutu sa nofs is-sena d-dieħla.
Intant, il-Ġimgħa filgħodu l-Prim Ministru Abela ltaqa’ man-negozjant ewlieni tal-Unjoni Ewropea fil-ftehim wara Brexit, Michel Barnier. Fi tweet, il-Prim Ministru sostna fuq l-importanza li jkun hemm relazzjoni tajba bejn iż-żewġ partijiet bil-għan li jiġu ssalvagwardjati l-interessi tal-Unjoni Ewropea fi Brexit.
Filgħodu wkoll, il-Prim Ministru Robert Abela ltaqa’ mal-Kummissarju Ewropew Helena Dalli. F’din il-laqgħa, il-Prim Ministru Malti rringrazzja lil Dalli tax-xogħol tajjeb li qed tagħmel fil-Kummissjoni Ewropea fil-qasam tal-ugwaljanza.