“Predatur sesswali” u “Bniedem li jobgħod in-nisa” kienu l-frażi li bihom kien deskritt Gérard Depardieu mill-avukati waqt ir-rimarki finali fi tmiem il-ġuri tal-attur Franċiż akkużat li babas żewġ nisa mingħajr il-kunsens tagħhom waqt l-iffilmjar tal-film ‘Les Volets Verts’ fl-2021.
Il-ġuri ta’ Depardieu, li għandu 76 sena, beda nhar it-Tnejn fejn l-attur dejjem innega l-akkużi billi qal li hu mhux t’hekk. Iżda waqt is-sessjoni tat-Tlieta ammetta li kien uża lingwaġġ vulgari u ta’ natura sesswali ma’ waħda minn nisa li ressqet l-akkużi ta’ abbuż sesswali kontrih u qal li kien ħatafha minn ġenbejha waqt argument iżda li ma kien hemm xejn sesswali f’din il-mossa.
Dan wara li waqt ix-xiehda, l-assistenta tal-films qalet li Depardieu kien ħatfilha l-warrani u sidirha fi tlett okkażżjonijiet separati meta kienu qed jaħdmu fuq is-sett.
L-avukat ta’ waħda mill-vittmi, Carine Durrieu Diebolt qalet li Depardieu għamel għexieren ta’ snin jabbuża minn persuni “żgħar” fl-industrija ċinematografika. Hija qalet li forsi taħsbu li hu attur kbir u jogħġbukom il-films tiegħu, iżda Depardieu huwa wkoll predatur sesswali. Kompliet tgħid, li meta jkun qed imiss il-ġisem tan-nisa hu jkun qed jeżerċità l-poter tiegħu fuqhom.
L-avukat tal-vittma l-oħra, Claude Vincent, bdiet l-indirizz tagħha b’litanija twila ta’ kliem oxxen u espressjonijiet oħra vulgari li wieħed rarament jisma’ f’awla tal-qorti, u qalet li dan kien il-mod li jaġixxi Depardieu fuq is-sett.
L-attur qed ikun iġġudikat minn bord ta’ tliet imħallfin u mhux ġurija, li hu normali f’każijiet bħal dawn. Iżda l-imħallfin ma jagħtux verdett immedjat imma ġeneralment jiddeliberaw għall-ġimgħat u anke xhur.
Jekk jinstab ħati, Depardieu jista’ jeħel sa 5 snin ħabs u multa ta’ €75,000.