Fil-Parlament issokta u ntemm id-dibattitu b’rabta mar-rapport fl-inkjesta pubblika fil-mewt ta’ Jean Paul Sofia, li tilef ħajtu f’inċident fiż-Żona Industrijali ta’ Kordin, f’Diċembru tal-2022.
F’wieħed mill-aħħar interventi, id-Deputat Laburista u Whip tal-Gvern, Naomi Cachia, innotat l-ipokrezija tal-Oppożizzjoni, li hi mgħammda politikament u għatxana biss għall-punti politiċi.
“Ilbieraħ waqgħet il-maskra tal-Oppożizzjoni, meta ħabbru mozzjoni ta’ sfiduċja fi tliet Ministri, għax s’hemm jaraw, sal-gwadann politiku, jekk jeżisti hawnhekk.”
Kompliet tgħid kif kull ħaddiem għandu dritt li jkun sigur u li jmur id-dar lura ma’ familtu.
Cachia, osservat kif f’dan id-dibattitu, l-Oppożizzjoni tkellmet esklussivament fuq ir-responsabilità politika u ma tat l-ebda kontribut biex ikomplu jitwettqu r-rakkomandazzjonijiet għal titjib.
Qalet ukoll kif għall-Partit Nazzjonalista, l-inċidenti ġraw biss fi żmien Gvern Laburista. Enfasizzat id-differenza bejn iż-żewġ amministrazzjonijiet, fejn Gvern Laburista kien diġà beda jwettaq ir-rakkomandazzjonijiet, permezz ta’ riformi li saru.
“Bħallikieku l-imwiet fuq il-post tax-xogħol ġraw biss taħt gvern jew ieħor. Bħallikieku hi relevanti. Din l-insensittività li ma nistax għaliha f’dan it-tip ta’ dibattitu, dak li hu ħażin hu ħażin dejjem, bid-differenza li issa, għall-ewwel darba f’dan il-pajjiż, għandna Gvern, li qed jgħid mingħajr kantunieri li qed jieħu dawn ir-riformi bis-serjetà, li se nagħtuhom prijorità. Li diġà beda jitlaqqa’ l-kumitat, li se jkun responsabbli mir-rakkomandazzjonijiet mill-eżitu tal-inkjesta.”
Żiedet tgħid kif l-Oppożizzjoni, qalet li dawn ir-rakkomandazzjonijiet se jibqgħu biss fuq il-karta, avolja numru minnhom diġà bdew jitwettqu, fosthom il-liċenzjar tal-kuntratturi u l-benneja, xi ħaġa li kienet proposta mill-Qorti wkoll fi żmien l-aħħar amministrazzjoni Nazzjonalista, iżda ġiet injorata.
Semmiet, kif il-Gvern, anke wettaq rakkomandazzjonijiet mill-Inkjesta Quintano, li saret b’rabta mal-mewt ta’ Miriam Pace, fosthom bit-twaqqif tal-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni, il-BCA.
Kompliet telenka kif hu importanti li jkomplu jogħlew l-istandards f’dan is-settur, inkluża l-qalba ambjentali aktar sostenibbli, filwaqt li appellat għal aktar maturità politika.