Żgħażagħ bejn 16 u 24 sena temmew b’suċċess proġett ta’ Erasmus+bl-isem ‘Empowering Youths in STEM through the Arts.’
Proġett li permezz tiegħu dawn l-istess żgħażagħ ġew esposti għal numru ta’ esperjenzi edukattivi li jikkonċernaw suġġetti STEM jiġifieri Xjenza, Teknoloġija, Inġinerija u Matematika, permezz tal-Arti.
Il-proġett ġie fi tmiemu t-Tlieta wara li kien beda f’Ottubru tal-2020, b’fondi ta’ madwar €133,000 mill-Unjoni Ewropea u li tmexxa minn tliet ċentri interattivi tax-xjenza fosthom l-Esplora, u ċ-ċentri tax-Xjenza barranin NEMO Science Centre u CosmoCaixa Barcelona.
Dan b’kollaborazzjoni ma’ Inizjamed u Aġenzija Żgħażagħ.
Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Riċerka u Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti enfasizza kemm investimenti bħal dawn isaħħu l-ħiliet u l-edukazzjoni taż-żgħażagħ fis-soċjetà tagħna.
Dawn imbagħad jissarfu f’tisħieħ fis-soċjetà tagħna fil-futur.
Azzopardi Tanti qal, “Dan huwa investiment dirett fil-ħiliet taż-żgħażagħ fejn se jkkomplu jtejbu l-ħiliet diġitali tagħhom. Naturalment dan l-investiment fiż-żgħażagħ huwa anke investiment fis-soċjetà fejn iż-żgħażagħ mhumiex biss il-futur imma anke huma l-preżent u naturalment dan se jkun ta’ benefiċċju għas-soċjetà inġenerali.”
Minn naħa tiegħu s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett wera s-sodisfazzjoni tiegħu li l-fondi Ewropej komplew jintużaw fi proġett bħal dan tal-Erasmus+ biex jinħolqu aktar opportunitajiet għaż-żgħażagħ fil-qasam tal-edukazzjoni, xjenza, teknoloġija, inġinerija u matematika.
Bonnett stqarr, “Dalgħodu ġejna hawnhekk l-Esplora biex naraw kif l-Esplora li hija aġenzija tal-Gvern, ħadmet ma’ Aġenziji bħalha barra minn Malta f’partnership ma’ Aġenzija Żgħażagħ u Inizjamed biex flimkien inwettqu studju dwar kif iż-żgħażagħ tagħna jistgħu jagħmlu empowerment lil xulxin iktar. Dawn intużaw mill-fonti tal-Framework ta’ bejn l-2014 u l-2020. Mis-sena d-dieħla ħa nibdew nużaw anke l-fondi issa ta’ bejn l-2021 u l-2027. L-akbar pakkett finanzjajru li qatt ġie allokat lil pajjiżna.”
Intant iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija, Jeffrey Pullicino Orlando qal kif permezz ta’ dawn it-tip ta’ proġetti mhux biss qed tiġi kkultivata kultura ta’ kurżità xjentifika u ta’ kreattività imma wkoll il-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija qed jifhem aħjar il-bżonnijiet u x-xewqat taż-żgħażagħ.
Pullicino Orlando qal, “Dejjem huwa importanti li titgħallem mill-esperjenza ta’ ħaddieħor u jkolli ngħid importanti għal ħaddieħor li jitgħallem mill-esperjenzi tagħna. Finalment l-esperjenzi taż-żgħażagħ partikolarment permezz tal-internet illum huma komuni minn soċjetà għall-oħra. Dan kien proġett iffinanzjat minn Erasmus+ funding li rana iktar nidħlu fid-dettall f’dak li jixtiequ ż-żgħażagħ tagħna sa età ta’ 24 sena.”