Intemm b’suċċess proġett li ħarreġ lill-ħaddiema tal-Kunsilli Lokali Maltin f’aspetti varji tal-ħidma tagħhom, bħal prinċipji ta’ governanza tajba, trasparenza u kontabilità fit-tmexxija.
Dan il-proġett, li sar b’investiment ta’ mitejn elf ewro minn Fondi Norveġiżi, inkluda l-parteċipazzjoni tal-imsieħba kollha li jaħdmu mal-Kunsilli Lokali; bħall-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali u l-Assoċjazzjoni għall-Kunsilli Lokali u s-Segretarji Eżekuttivi Reġjonali, l-ANSEK.
Kien hemm ukoll kollaborazzjoni sħiħa mal-Assoċċjazzjoni tal-Gvern Lokali Norveġiża.
F’konferenza li mmarkat l-għeluq ta’ dan il-proġett, id-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni tal-Gvern Lokali stqarr li dan il-proġett kien fih ammont konsiderevoli ta’ sessjonijiet intensivi li ħallew il-frott.
“Kellna diversi inizjattivi minn seminars, minn inizjattivi ta’ team building, kif ukoll study visit ġewwa n-Norveġja. Kellna żewġ gruppi ta’ kunsillieri, Sindki, u Segretarji Eżekuttivi illi tlajna biex naraw l-esperjenzi ta’ żewġ Kunsilli Lokali ġewwa n-Norveġja. Kienu esperjenzi ta’ mhux biss li wieħed jieħu imma ta’ qsim ta’ esperjenzi u ta’ ideat.”
Is-Segretajru Parlamentari responsabbli mill-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli qalet li l-prinċipji li ħadem fuqhom dan il-proġett huma kruċjali għall-ħidma ta’ kuljum tal-Kunsilli Lokali.
Hija żiedet tgħid kif illum il-ġurnata l-Kunsilli Lokali jaħdmu b’serjetà kbira fl-amministrazzjoni tal-fondi disponibbli għalihom.
Zerafa Civelli qalet ukoll kif dan il-proġett kompla jwettaq l-Istrateġija Nazzjonali għall-Gvern Lokali.
“Kemm dawk il-membri eletti, kemm il-membri amministrattivi u l-ħaddiema fil-Kunsilli Lokali u Reġjonali kellhom l-opportunità li jitħarrġu fuq governanza tajba. Hekk kif ukoll fid-dokument tal-Istrateġija Nazzjonali għall-Gvern Lokali hemm ċar ukoll li l-governanza tajba għandha dejjem tkun ta’ prijorità għall-Kunsilli Lokali tagħna u l-Kunsilli Reġjonali tagħna.”
Preżenti wkoll għal din il-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Chris Bonnet li tkellem dwar l-importanza ta’ dawn l-inizijattivi hekk kif il-Kunsilli Lokali huma l-ewwel punt ta’ kuntatt mar-residenti Maltin u Għawdxin.
Matul din il-konferenza ġew preżentati ċertifikati lir-rappreżentanti tal-Kunsilli Lokali li pparteċipaw f’dan il-proġett.