49 persuna temmew b’suċċess il-kors “Working with Offenders” li huwa kors introduttorju li jkopri seba’ suġġetti, inkluż kriminoloġija, psikoloġija, rijabilitazzjoni u integrazzjoni mill-ġdid.
Il-kors għen sabiex ikun hemm aktar għarfien dwar l-isfidi li jiffaċċjaw persuni li xellfu difrejhom mal-liġi u għamlu żmien il-ħabs, flimkien mal-proċess ta’ integrazzjoni mill-ġdid tagħhom fis-soċjetà.
Dwar dan u aktar tkellimna mad-Direttur u l-Fundatur tal-programm RISe, is-Sur Charlie Mifsud, hekk kif saħaq fuq l-importanza tal-intergrazzjoni ta’ persuni li skontaw sentenza fil-ħabs lura fis-soċjetà.
“L-iżjed punt importanti huwa li nedukaw lis-soċjetà li jekk dawn in-nies mhux se jingħataw it-tieni ċans fil-veru sens tal-kelma, u meta jkunu fil-ħabs ikunu fl-istess playing field ta’ kull ċittadin ieħor hemm ċans li jerġgħu jirrikorru l-ħabs u meta jirrikorru l-ħabs ifisser li jkollna vittma oħra.”
Organizzat mill-Fondazzjoni RISe, dan il-kors ġie ffinanzjat taħt l-iskema ta’ taħriġ bl-isem Training Initiative Scheme (TIS) amministrata mill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat, Mauro Pace Parascandalo spjega din l-iskema.
“Skema li l-għan tagħha huwa li ngħinu lill-għaqdiet jorganizzaw taħriġ biex għall-benefiċċjarji tagħhom u għall-komunità b’tali mod li jkunu jistgħu jsostnu l-operat tagħhom u l-ħidma tagħhom fis-servizzi li jagħtu fil-komunità inġenerali.”
Il-kors sar l-ewwel darba fis-sena 2022. F’dawn l-aħħar sentejn, il-Gvern investa fil-Fondazzjoni RISe aktar minn €17,000 permezz ta’ din l-iskema u permezz tal-Iskema tal-Proġett tal-Organizzazzjonijiet Volontarji. Parti minn dawn il-flus intużaw biex setgħu jsiru korsijiet maħsubin biex individwi li jaħdmu ma’ persuni li jkunu skontaw sentenza ta’ priġunerija, jew li jkunu interessati f’dan il-qasam, itejbu l-għarfien dwar ir-rwol tagħhom u l-appoġġ terapewtiku f’ambjent ta’ persuni li jkunu għaddejjin minn stadji ta’ rijabilitazzjoni.
L-attività li matulha tqassmu ċ-ċertifikati lill-parteċipanti tal-kors kienet indirizzata mill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia Portelli.
Prattikament dan huwa proġett li permezz tiegħu 49 individwu minn professjonijiet differenti ħadu taħriġ għal tal-apposta ta’ kif il-ħidma tagħhom tista’ tgħin persuni li komplew u ġew rijabilitati fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin
Il-Ministru Farrugia Portelli awgurat lill-parteċipanti tal-kors għas-suċċess li kisbu u esprimiet l-ottimiżmu tagħha li l-esperjenza miksuba se tkun ta’ benefiċċju għal persuni li għaddew minn esperjenza diffiċli.