Għall-ħabta tat-tmienja u nofs ta’ filgħaxija nhar l-aħħar Sibt ta’ Marzu, id-dinja se tintefa għal siegħa fi tradizzjoni annwali msejħa ‘Earth Hour’.
Din it-tradizzjoni tara l-bidu tagħha f’Sydney l-Awstralja fl-elfejn u sebgħa.
Imnebbħa mill-għan li jikber l-għarfien dwar it-tibdil fil-klima, illum il-ġurnata hawn aktar minn mija u disgħin pajjiż li jieħdu sehem fiha nkluż Malta.
Fost oħrajn f’pajjiżna tħawlu mitt siġra indiġena fil-ġonna tal-Buskett.
Bosta huma mħeġġa biex jitfu d-dawl għal siegħa u jqattgħu ħin mal-komunità biex dan il-jum verament ikun sinifikanti.
Din is-sena Earth Hour hija aktar minn sempliċiment jum simboliku iżda huwa jum li ser joffri solidarjetà u opportunità biex nieħdu ħsieb lil xulxin u d-dinja b’mod speċjali fid-dawl tal-isfidi mondjali li għaddejna minnhom.
L-organizzaturi u l-imħuħ wara din l-inizjattiva globali jsostnu li inizjattivi bħal dawn huma impenn ta’ kuljum u mhux ta’ jum wieħed biss, biex jixprunaw futur isbaħ għan-nies u għad-dinja.