Għal dawn l-aħħar xahrejn l-artiġġjan Joseph Spiteri ntefa’ b’ruħu u b’ġismu biex ilesti x-xogħol fuq il-bini ta’ niċċa ġdida li se tilqa’ l-istatwa tal-Madonna li ftit tas-snin ilu tneħħiet minn Triq Reġjonali minħabba l-proġett tal-flyover tal-Kappara.
Ix-xogħol fuq in-niċċa l-ġdida b’għoli ta’ erba’ metri se titpoġġa fi Triq Tas-Sliema, fil-Gżira.
Iltqajna ma’ Spiteri fil-garaxx tiegħu f’Ħal Qormi. B’sengħa kbira sibnih għaddej b’xogħol li jinvolvi lavur fil-ġebla tal-franka. Qalilna li qed jaħdem din in-niċċa b’passjoni kbira tant li jibda fis-7.00am u ma jieqafx qabel ma’ martu ssejjaħlu għall-ikla filgħaxija.
Joseph Spiteri, artiġġjan jgħid: “Nogħxa, tkun qed taħdmu għal qalbek ix-xogħol. Plus hekk ix-xogħol tiegħu huwa l-hobby tiegħi, jiġifieri xi ħaġa meravilja għalija.”
Tkellimna wkoll ma’ John Lauria, sid l-istatwa tal-Madonna. Id-devozzjoni tiegħu lejn il-Madonna nibtet meta kellu biss 14-il sena wara li salvatu minn ħalq il-mewt meta kien se jegħreq. Qal li l-istatwa fin-niċċa kienet rigal mingħand bintu.
John Lauria, li jieħu ħsieb in-niċċa qal: “It-tifla qaltli daddy x’tixtieq għall-Milied, għedtilha ixtrili Madonna. U għamilt Madonna Bernardina f’kaxxa tal-injam u bdew ġejjin in-nies kulħadd mister kabbar u ngħinuk, mister kabbar u ngħinuk.”
In-niċċa kienet simbolu tat-Triq Reġjonali, fosthom anke taż-żgħażagħ li jiffrekentaw Paceville.
Minkejja li n-niċċa kellha titneħħa minħabba l-proġett tal-Kappara, in-niċċa se jkollha post aktar denju fid-daħla tal-Gżira.
Huwa kompla billi qal: “Jiena dejjem għedt ħa jkun hemm niċċa isbaħ milli kelli, milli kelna. Issa ħa nħallu monument.”
Is-Sindku tal-Gżira Conrad Borg Manche qal li l-Kunsill Lokali tal-Gżira qed iħallas għall-ispejjeż tan-niċċa li jammontaw għal €23,000.
Conrad Borg Manchè s-Sindku tal-Gżira qal: “Fejn ħa tkun, ħa tkun post addattat magħluqa u aktar safe u aktar aċċessibbli mingħand in-nies.”
L-uffiċjal ta’ Transport Malta Tano Vella li qal li l-Ministeru għall-Infrastruttura kien responsabbli mid-disinn tal-niċċa u ppjana biex din in-niċċa li tant kienet għall-qalb il-Maltin terġa’ titqiegħed f’post prominenti għad-devozzjoni tagħhom.