Justin Mallia ta’ 25 sena minn Bormla ntbagħat seba’ snin ħabs wara li ammetta li seraq żewġ midalji storiċi b’valur ta’ madwar €400,000. Is-seba’ snin jinkludu sentejn talli kiser il-ħelsien mill-arrest.
Flimkien mas-sentenza ta’ ħabs, il-Maġistrat Nadine Lia ordnat biex jiġu kkonfiskati €20,000 li kienu miżmumin għall-ħelsien mill-arrest.
Il-każ imur lura għat-18 ta’ Marzu ta’ din is-sena meta hu ġie arrestat ftit sigħat wara li nqabad minn kameras tas-sigurtà jisraq il-midalji rari tas-Seklu 19 mill-Mużew Marittimu fil-Birgu wara li għamilha ta’ bir-ruħu li hu mpjegat fil-post.
Fid-19 ta’ Marzu, Mallia tressaq il-Qorti mixli li seraq il-midalji u li kiser sentenzi ta’ ħelsien mill-arrest. Għall-ewwel, hu m’ammettiex, iżda mbagħad bidel fehmtu aktar tard.
Hu kien qal liqatt ma basar kemm kienu prezzjużi dawn il-midalji.