Ahmad Yassine, Libjan ta’ 38 sena li ilu jgħix Malta mindu kellu erba’ snin, kien ikkundannat sitt xhur ħabs u mmultat €2,300 wara li nstab ħati li kiser ordni ta’ protezzjoni li ħareġ il-qorti fil-konfront ta’ martu u l-erba’ wliedha .
Il-każ seħħ f’Novembru ta’ sentejn ilu fil-Belt meta mart l-imputat ħarġet mill-qorti u kienet sejra fi triqitha lura f’xelter fejn qiegħda kienet qed tgħix ma’ wliedha. Ingħad li hawn ir-raġel beda jsegwi l-passi tagħha u għaddilha kumment li ħassitu bħala theddida.
Il-każ instema’ llum hekk kif l-imputat kien ilu mfittex għal dawn l-aħħar xhur fejn ma kienx preżenti għal tmien seduti.
Fil-Qorti l-prosekuzzjoni ressqet l-ordni ta’ protezzjoni li biha l-imputat ma setax jersaq lejn l-eks mara u wliedha.
Fid-deċiżjoni tiegħu, il-Maġistrat Joseph Mifsud sostna li ordni tal-Qorti m’għandhiex tinkiser. Qal li l-Qorti tkun tat ordni biex tħares kemm lis-soċjetà u b’mod partikolari li jeħtieġu protezzjoni.
Qal li mhux se tieħu dan il-ksur b’mod leġġer, għaliex b’hekk tkun qed tagħti l-impressjoni li tħalli lil min jiġi jaqa’ u jqum mill-ordnijiet tagħha.
Sostna li b’dak li għamel l-akkużat abbuża mill-id tal-ħniena tal-Qorti, u m’għandux jippretendi lil min jitħassru.
“Li ssegwi l-passi ta’ dik li kienet martu u dan wara li ħarġet mill-qorti huwa wkoll tip ta’ vjolenza domestika u m’għandu qatt ikun permess. Din il-Qorti tikkundanna bla riserva il-ħażen tal-vjolenza domestika ta’ kull tip u forma”, sostna l-Maġistrat Mifsud.