Ħamruniż ta’ 34 sena ntbagħat tmien xhur ħabs wara li nqabad bid-droga eroina, kannabis, u kokaina li tidher li ma kinitx għall-użu personali tiegħu.
Fil-Qorti ntqal kif Lee Jonathan Borg spiċċa arrestat il-Ħadd li għadda wara li l-Pulizija għamlet tfittxija fuqu u fid-dar tiegħu fil-Marsa, li skont informazzjoni li kellha l-Pulizija, kienet qed tintuża biex tiġi ttraffikata d-droga. B’rabta mal-istess ġew arrestati żewġ persuni oħra.
L-akkużat wieġeb ħati għall-akkużi miġjuba kontrih, u kien innutat li ta kull għajnuna lill-Pulizija waqt l-investigazzjonijiet. Id-difiża qalet li Borg għandu bżonn l-għajnuna biex jegħleb il-vizzju tad-droga. Id-droga li nstabet f’daru waqt l-arrest se tintuża bħala prova fuq il-persuni l-oħra li ġew arrestati.
Borg kien immultat €500 apparti s-sentenza priġunerija.