Mohamed Ahmed Ahmed Mohamed Elgamal, Eġizzjan ta’ 35 sena li jgħix Birżebbuġa, ġie kkundannat sena ħabs wara li fil-Qorti ammetta li daħħal immigranti f’pajjiżna.
Fil-Qorti, il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Karl Roberts spjegat li, fl-14 ta’ Settembru li għadda, għen biex persuni jidħlu jew joħorġu minn Malta.
Fil-Qorti, f’Settembru li għadda, il-Prosekuzzjoni kienet spjegat li f’Delimara żbarkaw żewġ dgħajjes li fihom kien hemm numru ta’ immigranti. Il-Pulizija kien irnexxilhom jarrestaw għaxar immigranti.
Huwa ġie mixli wkoll li stad fl-ibħra Maltin mingħajr liċenzja u li ppermetta l-bastiment tas-sajd jinstaq minn persuna bla liċenzja.
Mill-evidenza ħareġ li l-bastiment, li minn fuqu kien jagħmilha ta’ sajjied mingħajr liċenzja tas-sajd, kien reġistrat mad-Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura.
Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech qalet li l-Eġizzjan mhux biss ammetta l-akkużi miġjuba kontrih iżda kkopera mal-awtoritajiet.
Apparti s-sentenza ta’ priġunerija, l-akkużat irid iħallas ukoll multa ta’ €500.