Il-Qorti ordnat li l-ex avukat Patrick Spiteri, li prezentament jinsab ditenut minħabba diversi proċeduri fuq akkużi ta’ frodi u miżappropjazzjoni, jinżamm f’iżolament f’Diviżjoni 15, it-taqsima riżervata għall-mard kontaġġuż li bħalissa tinsab vojta. Dan wara li l-kundizzjoni medika tiegħu iddeterjorat fl-aħħar 3 xhur.
Spiteri nġieb Malta mir-Renju Unit f’Mejju. Huwa kellu seba’ mandati ta’ arrest ewropej fil-konfront tiegħu fuq l-skkużi ta’ frodi u miżappropjazzjoni li jammontaw għall- €7.4 miljun kif ukoll falsifikazzjoni ta’ dokumenti.
Spiteri jsofri mis-sindrome Behcet, marda diġenerattiva li tikkawża danni newroloġiċi. Il-Qorti semgħet it-tipjip u iffullar ta’ persuni fil-ħabs kellu effett ħażin fuq is-saħħa ta’ Spiteri. Dan ikkonfermah ukoll l-espert mediku appuntat mill-Qorti.
Iżda Spiteri lmenta dwar l-iżolament u qal li qed jiġi trattat bħal terrorist.
Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Consuelo-Pilar Scerri Herrera qalet li l-akkużat taħt l-ebda ċirkostanza m’għandu jiġi akkumpanjat il-Qorti jew l-Isptar flimkien ma’ persuni li jpejpu. Huwa għandu jinżamm ‘l bogħod minn kull titjip f’kull ħin.
Il-Qorti żiedet tgħid li l-akkużat m’għandux ikun preġudikat għall-benefiċċju tal-priġunieri l-oħra u li s-saħħa tal-bniedem hija ferm importanti.
Il-każ se jkompli jinstema’ix-xahar id-dieħel.