Libjan ta’ 32 sena minn Benghazi ngħata s-sentenza ta’ disa’ xhur ħabs wara li ammetta akkużi ta’ serq.
Il-każ seħħ f’ħanut fil-Belt Valletta, fejn ikkawża biża’ lil żewġ nisa li ħasbu li se jkun vjolenti magħhom.
Barra minhekk kiser il-kundizzjonijiet ta’ ħelsien mill-arrest li kien ingħata f’sentenzi oħra.
Fil-Qorti ntqal li l-akkużat m’għandux saqaf fuq rasu wara li tkeċċa minn ċentru ta’ detenzjoni għax kien vjolenti man-nies tal-post.
Wara li nstemgħet ix-xhieda, il-Qorti ssuġġeriet li l-akkużat jintbagħat lura l-Libja, iżda l-imputat qal li jekk imur lura pajjiżu joqtluh għax kien jappoġġja lil Gaddafi.
Għaldaqstant kien deċiż li l-Libjan jintbagħat disa’ xhur ħabs.