Żgħażugħ ta’ 26 sena mis-Senegal intbagħat erbatax-il xahar ħabs wara li ammetta li kien qed ibigħ il-kannabis, li fil-pussess tiegħu kellu d-droga kokaina u li kien qed iġorr sikkina. Dan kollu meta kien qrib post iffrekwentat miż-żgħażagħ.
Il-każ seħħ fil-21 ta’ Novembru tas-sena l-oħra meta r-raġel inqabad qed ibiegħ il-kannabis lil żewġ tfajliet Taljani tant li t-tfajliet infushom telgħu jixhdu u kkonfermaw.
Fis-sentenza l-Qorti kkunsidrat il-fatt li ż-żgħażugħ dam biex ammetta iżda rat ukoll kif fl-istess waqt kellu l-kondotta nadifa.
Minbarra ħabs, il-Qorti mmultatu wkoll l-multi ta’ elf u mitt ewro u seba’ mija disa’ u disgħin ewro fi spejjeż tal-esperti.