Konrad Mizzi rrifjuta li jwieġeb il-mistoqsijiet f’sessjoni tal-Kumitat Parlamentari għall-Kontijiet Pubbliċi wara li talab għal ruling mill-Ispeaker.
Dan wara li ħass li l-mod li bih kienu qed isirulu l-mistoqsijiet kien qed jikser id-drittijiet fundamentali tiegħu.
Konrad Mizzi m’aċċettax li jkompli qabel jingħata deċiżjoni ta’ ruling mill-Ispeaker wara li ċ-Chairman tal-Kumitat Beppe Fenech Adami insinwa li persuni involuti fil-proġett tal-powerstation, kienu ħbieb ta’ Konrad Mizzi.
Mizzi stqarr li dan l-atteġjament mhux aċċettabbli fil-konfront tiegħu u dan ilu għaddej għal dawn l-aħħar erba’ sessjonijiet fejn saħansitra membri tal-Oppożizzjoni qalulu li din is-sena ser imur il-ħabs u li huwa korrott.
Wara li Konrad Mizzi tela’ jagħmel it-talba għal ruling waqt il-plenarja huwa ġie mgħajjat lura biex jidher quddiem il-Kumitat.
Dan permezz ta’ vot unanimu mill-Kumitat.
Għall-kumplament tas-seduta huwa rrifjuta li jwieġeb sakemm jkollu d-deċiżjoni tal-Ispeaker.
Fost l-oħrajn huwa ġie mistoqsi dwar taxxa tas-sisa marbuta mal-proġett li ġie allegat li nħafret minnu meta kien Ministru.