Louise Doneo u l-‘Esperti’ tagħha se jerġgħu jkunu mas-segwaċi ta’ ONE fl-iskeda tal-ħarifa li jmiss. Dan il-programm tant popolari mal-udjenzi televiżivi ta’ Malta u Għawdex kellu l-bidu tiegħu lura fl-2006 u l-edizzjoni li jmiss se tkun is-sitt waħda.
Wara sejħa, li saret fl-aħħar ġimgħat, jirriżulta li ’l fuq minn 200 tifel u tifla applikaw biex ikunu ma’ dawk li effettivament jagħtu l-fehmiet tagħhom f’kompetizzjoni divertenti fejn adulti jipparteċipaw u jipprovaw jaqtgħu kif jaħsbuha dawn iċ-ċkejknin.
Issa, wara li qagħdu għall-provi quddiem panel apposta, fl-aħħar jiem tlesta l-proċess biex minn dawn il-200 l-ewwel jintagħżlu l-aħjar 40.
Sussegwentement, minnhom, kellhom jintagħżlu biss disgħa, iżda tant irnexxielhom isibu “esperti” li t-tim tal-produzzjoni iddeċieda li jmur għal 18, jiġifieri żewġ gruppi ta’ disgħa kull wieħed, l-ewwel grupp minn Ottubru sa Diċembru u t-tieni grupp fl-iskeda ta’ Jannar sa Marzu.
Waqt li l-aħħar 18 issejħu fil-kumpless ONE, mingħalihom li nofshom kienu se jiddiżappuntaw irwieħhom għax ma jintagħżlux, splodew bil-ferħ appena qalulhom li kollha għamluha għal din l-edizzjoni ta’ ‘Esperti’.
Sadanittant ONE News tkellem ma’ wieħed minn dawn l-esperti magħżula, fejn esprima l-eċċitament tiegħu.
“Inħossni naqra eċċitat peres li ntagħżilt … kulħadd iħossha.”
Ezrai Fava, Magħżul fl-Esperti
Il-preżentatriċi u waħda mill-imħuh wara l-programm, Louise Doneo, qaltilna li l-proċess tal-għażla ma kien xejn faċli.
“Il-proċess kien bħal dejjem inti taf Aymen, kien proċess diffiċli jekk xejn għax reġa’ kellna ammont sabiħ ta’ tfal li applikaw, kważi mitejn tifel u tifla. Jiġifieri kellna naqsmuhom fuq ġimgħa sħiħa kuljum auditions, tliet sigħat kuljum, jiġifieri ma kinitx faċli u ma kinitx faċli wkoll għax din is-sena vera kien hemm tfal bravi u qisek ma tkunx taf lil min ħa taqbad tagħżel. Imnalla nġibu ġurija oħra magħna.”
Louise Doneo, Preżentatriċi