Intagħżel il-konsorzju li se jkun qed jibni u jmexxi l-faċilità fil-Magħtab li se tibda tilqa’ l-iskart biex tikkonvertih f’enerġija rinnovabbli.
Fi stqarrija, il-WasteServ qalet li l-proċess tal-akkwist issa jinsab fl-aħħar stadju tiegħu, li bih il-konsorzju se jkun qiegħed jibni u jmexxi l-faċilità għal għoxrin sena.
Ix-xogħol tal-bini ta’ din il-faċilità mistenni jieħu 42 xahar biex isir, b’investiment totali ta’ nofs biljun ewro.
Dan il-proġett se jkun qed ibiegħed mill-pajjiż id-dipendenza storika fuq ir-rimi fil-miżbliet, biex b’hekk Malta tmur lejn ekonomija ċirkolari.
Dan l-impjant se jwassal biex jiġu pproċessati madwar mija u tnejn u disgħin elf (192,000) tunellata ta’ skart mhux riċiklabbli, li bħalissa qed jispiċċaw imorru fil-miżbla, u minflok jibdew jinbidlu f’enerġija ekoloġika f’pass rivoluzzjonarju fit-trattament tal-iskart lokali.
L-entità tal-Gvern qalet li, wara t-terminu tal-appell, se jkun qiegħed jiġi iffirmat il-kuntratt li jagħti l-bidu għax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni, li għalihom diġà nkiseb permess għall-iżvilupp.
L-istqarrija qalet li, b’kollox, saru tliet offerti mill-konsorzji Hitachi Zosen Inova AG – Terna S.A., FCC Medioambiente Internacional S.L.U u Paprec Energies International-BBL.
Wasteserv qalet li meta jibdew jirrankaw ix-xogħlijiet fuq dan il-proġett, l-entità se tkun qiegħda toħroġ żewġ tenders oħrajn għal impjant iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea li jipproċessa l-iskart organiku u impjant għall-immaniġġjar tal-iskart.
L-istqarrija temmet tgħid li dan kollu hu konformi mal-istrateġija ECOHIVE u huma maħsubin biex jippermettu lil Malta timxi lejn ekonomija kompletament ċirkolari fil-qasam tal-immaniġġjar tal-iskart.