Waqt li l-Kap tat-Taqsima tal-Aħbarijiet tal-istazzjon nazzjonali Norma Saliba kienet qed tintervista u ssaqsi l-mistoqsijiet tagħha lill-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech, kien hemm uħud li jsegwu lil Bernard Grech, li nfexxew f’insulti, attakki u tgħajjir fil-konfront tal-ġurnalista.
Wieħed minn dawn kien Godfrey Leone Ganado, esponent li jappoġġja bi sħiħ lil Bernard Grech, lill-fazzjoni ta’ Simon Busuttil u lill-għaqdiet Repubblika u Occupy Justice.
Ganado spiċċa insulenta lil Saliba u uża l-kliem prostituta politika.
“Norma, qatt smajt bil-kelma prostituta politika?”, staqsa Ganado.
“Jekk le, ħares lejn il-mera u tkun taf”, żied jgħid Ganado, li ftit tax-xhur ilu, il-Qorti żammietu responsabbli ta’ kliem dispreġjattiv u malafamanti fil-konfront ta’ Rosianne Cutajar.
Lil Rosianne Cutajar, Leone Ganado kien għajjarha qaħba u weħel tmien mitt ewro apparti spejjeż tal-Qorti.
Riżultat ta’ sentenza tal-Qorti, kien spiċċa sar crowdfunding, jiġifieri ġabra online biex Ganado jħallas għad-danni.
L-insulti ta’ Godfrey Leone Ganado lejn il-ġurnalista Norma Saliba, li kienet qed issaqsi lill-Kap Nazzjonalista, ma waqfux hemm.
Fil-fatt huwa spiċċa jinsulenta b’mod dispreġjattiv u vulgari lil Norma Saliba u jgħidilha x’inti sħuna.
Lill-ġurnalista li bħal kull ġurnalist jew ġurnalista oħra bdiet tagħmel il-mistoqsijiet lill-Kap tal-Oppożizzjoni, Ganado żied jgħidilha li f’dizzjunarju se jdaħħal ir-ritratt tagħha fejn il-frażi ‘ignorance is bliss’ għax hi eżempju perfett ta’ dik il-frażi.
Ganado, li s-sena l-oħra waqt it-tellieqa għall-Kap Nazzjonalista kiteb fuq it-Times biex jimbotta lil Bernard Grech, ma waqafx biss fl-insulti lejn il-ġurnalista iżda għamel eloġju sħiħ lill-Kap Nazzjonalista.
Fil-fatt f’kumment minnhom fuq l-intervista li kienet anki qed tixxandar online lill-Kap qallu prosit għal tliet darbiet, u lil dak li sa issa għadu qatt ma kkundannah għall-attakki dispreġjattivi fuq żewġ nisa qallu li int ferrovija ferrari.