Instemgħu l-ewwel splużjonijiet fi bliet kbar fl-Ukrajna, hekk kif il-President Russu Vladimir Putin ħabbar operazzjoni militari fir-reġjun ta’ Donbas fl-Ukrajna.
Huwa ħeġġeġ suldati Ukreni fin-naħa tal-Lvant biex iniżżlu l-armi u jirritornaw lejn djarhom.
Wissa li r-rispons ta’ Moska se jkun immedjat jekk xi ħadd jipprova jirreaġixxi jew jattakka lir-Russja.
Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Ukrajna akkuża lir-Russja li bdiet gwerra fuq skala sħiħa u ħeġġeġ lin-Nazzjonijiet Magħquda biex jagħmlu dak kollu possibbli biex iwaqqfuha.
Il-President Amerikan Joe Biden wiegħed li d-dinja se żżomm lir-Russja responsabbli u bassar diversi mwiet.
Biden mistenni jindirizza lill-Amerikani aktar tard illum dwar il-konsegwenzi li qal li se taffaċċja r-Russja.
Il-President Ukren Volodymyr Zelensky qal li din l-invażjoni tista’ tkun il-bidu ta’ gwerra kbira fil-kontinent Ewropew.
L-Ukrajna daħlet fi stat ta’ emerġenza għal xahar sħiħ.