Dalgħodu ħaddiema tal-WasteServ sabu tliet kontenituri tal-gass fost l-iskart riċiklabbli li nġabar mill-ġbir li jsir mid-djar.
Fi stqarrija l-WasteServ qalet li żewġ bottijiet kienu mimlija, filwaqt li t-tielet wieħed kien vojt, aktarx minħabba daqqiet sostanzjali li qala’ fit-trakk tal-ġbir tal-iskart jew fil-bag opener meta wasal fil-faċilità tal-WasteServ.
Il-bottijiet kienu f’borża trasparenti u setgħu jiġu identifikati faċilment qabel ma’ ddaħlu fil-WasteServ.
Il-WasteServ saħqet li r-rimi ta’ materjal splussiv permezz tal-ġbir bieb bieb mhuwiex sempliċiment barra minn postu imma jista’ jwassal għal konsegwenzi varji u anke għal reati kriminali serjissimi.
Sostniet li sfortunatament, każijiet bħal dawn għadhom realtà, dan għaliex matul dan ix-xahar biss permezz tal-ġbir tal-iskart riċiklabbli nstabu oġġetti perikolużi oħra, bħal skrataċ tas-snieter u flares tad-duħħan.
Il-WasteServ tenniet li l-każ ġie rrappurtat lill-pulizija u enfasizzat li se tkun qed tagħmel minn kollox sabiex tħares lill-ħaddiema tagħha, dan saħansitra billi tipprojbixxi l-aċċess għall-faċilitajiet tagħha lil dawk kollha li ma jkunux qed jagħmlu dak kollu possibbli biex jiżguraw li l-iskart li jiġi jkun sigur.
Ritratti: WasteServ