Uffiċjali mid-Dwana ta’ Malta rnexxielhom jinterċettaw mal-erbat elef u tliet mitt kilogramma ta’ kannabis u ħamsin kilogramma ta’ kokaina f’żewġ tfittxijiet separati li saru fl-aħħar jiem fil-Freeport.
L-ammonti konsiderevoli tad-droga kienu destinati għal Tripli fil-LIbja u s-Slovenja rispettivament, qalet stqarrija mid-Dwana.
Fil-każ tal-kannabis, din instabet moħbija fi fran industrijali, li kienu qed jinġarru f’kontejner minn Marokk għal-Libja wara li l-uffiċjali ġiehom suspett u ddeċidew li jagħmlu tfittxija intensiva, inkluż bl-iscanners fejn instabu diversi inkonsistenzi fil-materjal li kien qed jinġarr.
L-operazzjoni kienet waħda kumplessa u l-uffiċjali ħadu mal-jumejn, bl-għajnuna tat-taqsimiet tal-klieb u tan-narkotiċi tal-Pulizija u membri tal-Protezzjoni Ċivili, biex setgħu jżarmaw l-ifran u jsibu d-droga fil-partijiet ta’ ġewwa tal-ifran.
Din is-sejba hi meqjusa bħala impressjonanti mhux biss minħabba l-kwantità ta’ reżina li nstabet, anke fuq livell internazzjonali, iżda għax il-magni kienu mibnijin apposta biex ma jiġux interċettati.
Jirriżulta li l-valur ta’ din id-droga fis-suq ilaħħaq it-tlettax-il miljun ewro.
Sadanittant, fl-istqarrija, tħabbar ukoll li d-Dwana fl-aħħar jiem ukoll interċettat il-ħamsin kilogramma ta’ kokaina moħbija f’kontejner li kien qed jivvjaġġa mill-Ekwador lejn is-Slovenja.
Biż-żewġ każi ġew informati l-maġistrati tal-għassa li niedew inkjesti separati.