Il-Pulizija Awstraljana qalet li fit-tfittxija għall-koppja Jesse Baird u Luke Davies, li ġew irrappurtati nieqsa, instabu żewġ iġsma.
Il-Kummissarju tal-Pulizija ta’ New South Wales, Karen Webb, qalet li l-Pulizija huma kunfidenti li sabu lill-koppja.
It-Tnejn li għadda, uffiċjal tal-Pulizija li kien joħroġ ma’ Baird, ġie akkużat li qatel lill-koppja.
L-iġsma nstabu fi proprjetà rurali fil-belt ta’ Bungonia.
Jidher li wara li għall-bidu rrifjuta li jikkopera mal-Pulizija, l-akkużat qalilhom fejn kienu l-iġsma tal-vittmi.
Dan il-każ – li xxokkja l-Awstralja – huwa l-ewwel wieħed ta’ qtil li seħħ minn uffiċjal tal-Pulizija fi New South Wales f’deċenji sħaħ, u xpruna diskussjonijiet fuq skala nazzjonali dwar l-aċċess li l-uffiċjali jkollhom għall-armi tan-nar tagħhom barra l-ħin tax-xogħol.