Dalgħodu tressqu l-Qorti, quddiem il-Maġistrat Dr. Joe Mifsud LLD, żewġ irġiel ta’ 31 u 42 sena, residenti l-Belt Valletta u Bormla rispettivament.
Huma ġew akkużati li bejniethom ikkommettew iżjed minn 10 serqiet ta’ flus kontanti, minn diversi pompi tal-petrol, fosthom Ħaż-Żebbuġ, Ħ’ Attard, Ħal Qormi, l-Gżira u Ta’ Xbiex. L-imsemmija serqiet saru bejn Jannar u Mejju 2017. L-imputati ġew akkużati ukoll li volontarjament, wettqu diversi ħsarat fl-imsemmija postijiet, li jammontaw għall-eluf ta’ ewro.
Ir-raġel ta’ 31 sena ġie akkużat ukoll li seraq pjanċi tar-reġistrazzjoni, li saq vettura bi pjanċi li jappartjenu lill-vettura oħra u li naqas milli jħares l-kundizzjonijiet imposti fuqu mill-Qorti tal-Maġistrati.
Iż-żewġ persuni ġew akkużati ukoll u li saru reċidivi b’diversi sentenzi tal-Qorti.
Huma ammettew l-akkużi miġjuba kontrihom, fejn ir-raġel ta’ 31 sena ġie kkundannat għal erba’ snin u nofs priġunerija, filwaqt li r-raġel ta’ 42 sena, ġie kkundannat sena u nofs priġunerija.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Roderick Agius.