Joseph Grech u ibnu Kurt instabu ħatja bil-qtil taż-żagħżugħ Brandon Pace magħruf bħala l-“Galalli”, fi tmiem il-ġuri tagħhom li wasal fi tmiemu llejla bil-verdett tal-ġurati ta’ sitta kontra tlieta.
Il-piena se tiġi ttrattata nhar it-Tnejn, peress li d-difiża talbet li tressaq xi xhieda oħrajn in difesa. Għaldaqstant sa dakinhar it-tnejn se jibqgħu jinżammu l-ħabs.
Il-ġurati sabu lil Kurt Grech ta’ wieħed u tletin sena, magħruf bħala “n-Nemes”, u missieru Joseph ta’ wieħed u sittin sena, it-tnejn minn Tal-Pietà, ħatja wara li, fil-jiem li għaddew, id-difiża u l-prosekuzzjoni għamlu r-replika u l-kontro-replika tagħhom fil-każ.
It-tnejn li huma ffaċċjaw akkużi ta’ omiċidju volontarju, pussess illegali ta’ skieken, ksur tal-paċi pubblika u l-ordni, u heddu lil omm il-vittma, Lisa Pace, u s-sieħba Jessica Bilocca.
Kurt Grech kien akkużat ukoll li weġġa’ gravi lil Bilocca permezz ta’ sikkina, filwaqt li missieru kien mixli wkoll li hedded lil oħt il-vittma, Donna Pace, b’sikkina waqt il-ġlieda.
It-tnejn li huma wieġbu mhux ħajta tal-akkużi. Il-ġurija waslet għal vedett unanimu ta’ ħtija fuq il-pussess illegali ta’ skieken, waqt li sabet lil Kurt Grech ħati li kiser il-paċi pubblika.
Madankollu, il-missier u l-iben ma nstabux ħatja li heddew lil Jessica Billocca u lil Lisa Pace.
Brandon Pace kien inqatel b’daqqiet ta’ sikkina nhar it-2 ta’ April tal-2017 fi Triq Giovanni Barbara fil-Ħamrun, wara li nqala’ argument jaħraq bejn Kurt Grech u l-eks tfajla tiegħu, Jessica Bilocca, dwar binhom li dak iż-żmien kellu sitt snin.
Il-vittma kien intlaqat b’sittax-il daqqa ta’ sikkina, b’ħamsa minnhom ikunu fatali.
Meta l-Pulizija waslu fuq il-post, sabu lill-vittma b’diversi feriti f’sidru u f’daharu. Grech ukoll kien sofra xi ġrieħi f’ġenbu u kellu jittieħed l-Isptar għall-kura.
L-Avukati Roberto Montalto, Edward Gatt u Kathleen Grima dehru għall-akkużati, waqt li l-Avukati Ishmael Psaila u Rachel Tua dehru bħala parte civile.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukati Kevin Valletta u Kaylie Bonett mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, waqt li l-investigazzjonijiet tmexxew mill-Assistent Kummissarju Keith Arnaud u l-Ispettur Elliott Magro.