Il-Pulizija fl-aħħar ħin sabet katavru ta’ persuna f’bagalja fil-baħar max-xatt f’Tas-Sliema. Stqarrija tal-Pulizija qalet li kienu għall-ħabta tas-1:30 ta’ waranofsinhar li ġiet informata b’sejba suspettuża ftit ’il barra mix-xatt.
ONE News informat li appena nfetħet il-bagalja mill-forzi tal-ordni nstabet xena makabra, tant li din kien fiha biss ċerti partijiet tal-ġisem ta’ persuna, li għadha mhux identifikata. Fil-fatt, sorsi qalulna li nstabu biss ras ta’ persuna u l-parti ta’ fuq minn ġisimha.
ONE News jista’ wkoll jikkonferma li l-katavru hu ta’ raġel. Jirriżultalna wkoll li l-omiċidju u r-reat brutali ma ilux li twettaq, anke għax il-fdalijiet li nstabu ma juru l-ebda sinjali ta’ dekompożizzjoni.
Il-Pulizija kkonfermat biss li, fil-bagalja, instab katavru ta’ persuna, waqt li l-investigazzjonijiet mill-Pulizija għadhom għaddejjin, biex tiġi stabbilita l-identità tal-vittma u jiġu determinati ċ-ċirkostanzi tal-każ.
Il-Maġistrat Dr Ian Farrugia ġie informat bil-każ u ħatar inkjesta.
Preżenti fuq il-post kien hemm uffiċjali tal-Pulizija flimkien ma’ bugħaddasa tal-Forzi Armati ta’ Malta, li wettqu tfittxija f’qiegħ il-baħar. Kien hemm ukoll vettura tal-Bomb Disposal Unit, waqt li numru ta’ dgħajjes tal-Pulizija wkoll bdew jissorveljaw iż-żona.