Waqt xogħol ta’ skavar li qed isir bħala parti minn proġett ta’ akkomodazzjoni affordabbli fil-Fgura, instabu fdalijiet arkeoloġiċi rari li jmorru lura għal żmien l-Għarab f’pajjiżna, madwar elf sena ilu, meta parti mhux żgħira mill-popolazzjoni f’pajjiżna kienet Musulmana.
Il-Perit responsabbli minn dan il-proġett tal-housing, Stephen Buhagiar, dawwar lil ONE News madwar is-sit, li qiegħed ħdejn ir-roundabout qabel wieħed jaqbad il-qasam industrijali ta’ Bulebel. Is-sit imiss ma’ Triq id-Dejma, Triq il-Karmnu, u Triq tax-Xemx u l-Qamar.
Huwa spjegalna kif iż-żona ġiet immarkata mill-Awtorità tal-Ippjanar, li ħarġet il-permessi, bħala waħda arkeoloġikament sensittiva. Kien għalhekk li nqasmet f’partijiet differenti sabiex tiġi protetta ż-żona fejn jinsabu l-fdalijiet arkeoloġiċi.
Huwa qalilna li wieħed jista’ jinnota marki tal-cart ruts, it-trinek agrikoli, kif ukoll numru ta’ silos. Kien, fil-fatt, fis-silos fejn instabu numru ta’ fdalijiet arkeoloġiċi, fosthom ħaġra b’iskrizzjoni bl-Għarbi, platt, u vażun.
Il-Perit Stephen Buhagiar spjega li, “Instabu ħafna fdalijiet ta’ epoki differenti, fosthom dik il-ġebla b’iskrizzjonijiet Għarab, li nstabet f’dik il-ħofra, hemmhekk.” Huwa żied jgħid li, “Bħal dawn is-silos hemm żewġ silos oħra fuq dik in-naħa, fejn anke saħansitra nstab platt sħiħ hemmhekk.”
Min-naħa tiegħu, s-Sovrintendent tal-Patrimonju Kulturali, Kurt Farrugia, spjegalna x’inhuma s-silos u t-trinek li jinsabu fiż-żona.
Is-Sur Farrugia spjega li “Numru ta’ silos sostanzjali illi, fiż-żminijiet iktar riċenti, x’aktarx fil-medjuevu, ġew mgħaqqda f’ kumpless wieħed u kienu qed jintużaw għal-ħażna tal-qamħ kif ukoll, aktarx, għall-ħażna tal-ilma. Apparti minn hekk, fdalijiet arkeoloġiċi kienu cart ruts kif ukoll trinek agrikoli.”
Kurt Farrugia tkellem ukoll dwar ir-relevanza ta’ dawn l-iskoperti, u partikolarment tal-ħaġra b’iskrizzjoni bl-Għarbi, li nstabet madwar tmien metri taħt l-art.
Hawn is-Sur Farrugia żied jgħid, “L-oġġett li tkellmna fuqu hija din il-ħaġra li qed naraw warajna. Hija ħaġra li kienet qed tintuża bħala lapida, jiġifieri ġejja minn kuntest funerarju, illi nstabet f’sit tal-kostruzzjoni fil-Fgura.”
Huwa qalilna li din jidher li tmur lura għal żmien il-Medjuevu u hija miktuba bil-Kufiku, skrittura Għarbija li kienet tintuża fil-qedem għall-kitba fil-Kuran u għal iskrizzjonijiet dekorattivi fuq muniti, binjiet, u lapidi tal-oqbra.
Għalkemm it- traduzzjoni tal-iskrizzjoni għadha mhix lesta, is-Sovrintendent għall-Patrimonju Kulturali indika li l-kitba probabbli hija waħda ta’ natura reliġjuża u mar-ritwal relat mal-mewt.
Li jagħmel is-sejba ta’ din il-ħaġra partikolarment sinifikanti u rari huwa l-fatt li s’issa l-unika artefatt simili ta’ Żmien l-Għarab f’Malta li qatt instab barra r-Rabat ta’ Malta kien wieħed fir-Rabat t’Għawdex.
Għalkemm l-Għarab ħakmu lil Malta għal mitejn u wieħed u għoxrin (221) sena sħaħ – bejn is-sena 870 u l-1091 – ftit li xejn instabet evidenza arkeoloġika ta’ dak il-perjodu, ħlief għal ftit lapidi tal-oqbra.
Intant, ix-xogħol fuq il-proġett tal-akkomodazzjoni affordabbli se jibqa’ għaddej b’mod li jħalli l-parti fejn instabu l-fdalijiet arkeoloġiċi mhux minsusa. Fil-fatt, il-pjanti oriġinali ġew emendati b’mod li s-sejbiet jiġu ppreservat f’binja f’forma ta’ mużew li se jkun aċċessibbli mhux biss għar-residenti tal-blokka imma wkoll għall-komunità tal-madwar, bil-possibbilità wkoll li dan ikun qiegħed jagħti opportunitajiet ta’ impjieg lill-istess komunità.
Il-proġett se jkun fih 117-il appartament li se jinkrew b’rati konvenjenti ta’ kera, skont il-politika tal-Gvern li jara li kulħadd ikun jista’ jaffordja li jkollu saqaf fuq rasu. Il-proġett se jkun jinkludi wkoll garaxxijiet u spazji oħrajn għall-parkeġġ, inkluż għall-persuni b’diżabilità.
Kelliem għall-Ministeru tal-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli qal lil One News li għal mument kien hemm subji dwar jekk dan l-iżvilupp kienx se jkun possibbli li jsir, u kien għalhekk li l-proċess tal-Awtorità tal-Ippjanar ħa fit-tul. Dan seħħ minħabba li kellhom jitressqu pjanti ġodda li jirriflettu l-arranġament neċessarju biex tiġi rrispettata l-importanza ta’ dawn is-sejbiet.
Bħalissa għadu għaddej ix-xogħol tal-iskavar filwaqt li miexi wkoll il-proċess biex jinħarġu aktar sejħiet għall-offerti.