Minn tfittxija li saret matul dan illejl, il-pulizija tar-Rapid Intervention Unit waqfu vettura f’Marsaskala misjuqa minn raġel ta’ 40 sena residenti l-Marsa, u fl-affarijiet personali tiegħu, instabet borża b’70 gramma suspettata ħaxixa tal-kannabis, borża b’diversi qratas suspettata d- droga kokaina u kif ukoll sustanza oħra suspettata r-raża tal-kannabis.
Dawn is-sustanzi kienu lesti sabiex jiġu ttraffikati.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr. S Grech LL.D li ħatret diversi esperti sabiex jassistuha fl-inkjesta li ġiet appuntata.
L-investigazzjoni, mill-Pulizija tad-Distrett u kif ukoll mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga, rigward dan il- każ għadha għaddejja filwaqt li l-persuna arrestata mistennija titressaq il-qorti għada.