Waqt tindif li kien qiegħed isir fil-bir tal-Kunsill Lokali tal-Qrendi, instabu bombi tat-Tieni Gwerra Dinjija.
Il-bombi, li kienu butterfly bombs u 3.7 anti-aircraft shell instabu mill-ħaddiema tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma waqt li kienu qegħdin inaddfu dan il-bir mill-ħama u materjal li ntefa’ fih matul is-snin.
Bil-każ ġew infurmati l-Bomb Disposal Unit li mill-ewwel ħadu l-prekawzjonijiet meħtieġa sabiex dawn il-bombi jinġabru u jittieħdu f’post sikur. Infakkru li fi żmien it-Tieni Gwerra Dinjija, il-Qrendi kien milqut diversi drabi mill-attakki tal-għadu, tant li fil-lokal jinstabu xejn inqas minn sbatax-il xelter imħaffrin taħt l-art, li ħafna minnhom għandhom il-bokok tagħhom fi propjetajiet privati.
L-uffiċini tal-Kunsill Lokali tal-Qrendi jinsabu fl-għassa tal-lokal, li lura fis-snin jidher li kienet ħafn’aktar attiva.