Bejtiet u anke ġrieden mejta instabu barra d-dar fejn l-artist ċelebri Gene Hackman u l-mara tiegħu Betsy Arakawa nstabu mejta.
Uffiċjali Amerikani kienu kkonfermaw li Betsy, ta 65 sena, kienet mietet minn marda respiratorja b’konnessjoni mal-hantavirus li tista’ tiġi trażmessa lil bniedem minn ġrieden infettati. Ingħad li hi mietet ġimgħa qabel żewġha Gene Hackman, li ta’ 95 sena kien isofri minn stadju avvanzat tal-marda Alzheimer.
Issa id-Dipartiment tas-Saħħa ta’ New Mexico sab evidenza li kien hemm diversi bejtiet u ġrieden mejta fi tmien strutturi li kienu jiċċirkondaw id-dar tal-koppja f’Santa Fe.
Ġimgħa wara li nstabu mejta, sar assessjar ambjentali tal-propjetà bħala parti mill-investigazzjoni ta’ x’wassal għall-mewt tagħhom. Fi tliet garaxxijiet instab diversi ħmieġ tal-ġrieden, bejta u ġurdien mejjet u ieħor ħaj. Aktar ħmieġ instab f’żewġ t’idjar żgħar u tliet kmamar żgħar. Kien hemm ukoll diversi nases. Dehru wkoll diversi ġrieden, bejta u ħmieġ f’makkinarju agrikolu u żewġ vetturi abbandunati.
Dawn il-propjetajiet kienu jinsabu madwar 45 metru ’l bogħod mid-dar prinċipali fejn kienu joqgħodu l-koppja, li kienet nadifa u bla ebda sinjali ta’ ġrieden.
Il-hantavirus tirreferi għal virus li jitmexxa mill-ġrieden u primarjament ikun trażmes lil bniedem permezz ta’ injalazzjoni ta’ frak fl-arja minn ħmieġ tal-ġrieden niexef.