Żiemel mingħajr ras instab qrib il-korsa l-antika tal-Marsa kmieni dagħlodu.
Is-sejba mhux daqstant sabiħa seħħet għall-ħabta tas-6:30 ta dagħlodu.
L-investigazzjoni tal-Pulizija bħalissa għaddejja sabiex jiġi stabbilit min kien li tefa’ l-fdalijiet taż-żiemel f’din iż-żona u x’wassal għall-mewt taż-żiemel.
Intant fi stqarrija s-Segretarjat Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali jikkundanna l-aġir minn persuna jew persuni irresponsabbli, fil-każ ta’ żiemel mejjet li ntefa’ bla ras fl-inħawi tal-korsa taż-żwiemel fil-Marsa.
Is-Segretarjat Parlamentari qal li l-inċident kien irrappurtat lid-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali dalgħodu mill-Pulizija, u immedjatament bdiet ħidma ta’ koordinazzjoni mal-Uffiċċju Veterinarju tal-Gvern kif ukoll mal-Pulizija tal-Forensika. Għalkemm il-ġisem taż-żiemel ma kellux micro-chip, f’dan il-proċess qed isir ukoll l-użu mis-sistema ta’ reġistrazzjoni tal-annimali.
Is-Segretarjat ta struzzjonijiet ċari lill-uffiċjali tal-Gvern biex jagħmlu kull sforz u jikkoperaw mal-investigazzjonijiet tal-Pulizija biex jinstab min wettaq dan ir-reat u jitressaq quddiem il-ġustizzja malajr kemm jista’ jkun. Min għandu informazzjoni dwar dan il-każ għandu jgħaddiha, anke b’mod anonimu, lid-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali billi jċempel fuq in-numru 1717.