Żvilupp fil-każ tal-mara li ntbagħtet ħames snin ħabs wara li nstabet ħatja li tajret żewġ anzjani, li wieħed minnhom miet. Fil-Qorti l-mara kienet l-uniku xhud u wara s-sentenza deskritta minn ħafna bħala waħda iebsa beda jsir appell biex jekk xi ħadd ra l-aċċident jew jaf xi ħaġa jitkellem.
L-Ispettur Sandro Camilleri, tal-Police Officer Union, qal ma’ one.com.mt li fl-aħħar sigħat kien ikkuntatjat minn persuna li lesta tixhed fil-Qorti dwar dak li rat dakinhar tal-inċident. Sal-lum baqgħet fommha mitbuq iżda jidher li tħoss li ma tistax tibqa’ hekk fid-dawl tas-sentenza tal-Qorti.
Fi kliem l-ispettur Camilleri l-mara qed tgħid li minn dak li rat hi l-għalliema ta’ 32 sena ma kelliex ħtija għall-inċident. Jirriżulta li l-Ispettur Camilleri qed jieħu passi neċċessarji biex din il-mara tkun tista’ tixhed fi stadju ta’ appell.
Dan qed ikun meqjus bħala żvilupp importanti ħafna fil-każ li wassal biex inbdniet ukoll petizzjoni. Dorianne Camilleri tajret żewġ anzjani fl-2011 u wieħed minnhom miet. L-oħra baqgħet b’diżabbiltà. Din is-sentenza peró qanqlet rabja fuq il-midja soċjali. Il-Qorti qalet li ħames snin kienet l-inqas piena li setgħet tagħti. Il-petizzjoni li bdiet iddur online tgħid li l-Qrati għandhom jimponu piena iktar ġusta.