Wara snin ta’ spekulazzjoni, bugħaddas Taljan qal li sab il-post fejn għereq is-sottomarin Ingliż HMS P311, bastiment li sparixxa viċin il-kosta ta’ Sardinja matul it-Tieni Gwerra Dinjija u li l-aħħar pajjiż li kien sorġut fih kien Malta.
Massimo Bondone minn Genoa, li jfittex postijiet fejn għerqu l-vapuri, ikkonferma mal-ġurnalisti li wara t-tieni għadsa tiegħu, sab il-post tas-sottomarin f’fond ta’ madwar tmenin metru, ħames mili nawtiċi fil-Lvant tal-gżira Tavolara.
Il-bastiment telaq minn pajjiżna fit-28 ta’ Diċembru 1942 b’71 membru tal-ekwipaġġ, biex jipparteċipa f’Operation Principle. Attakk tal-Alleati kontra bastimenti Taljani tal-gwerra li kienu jinsabu f’La Maddalena, viċin Sardinja. L-aħħar sinjal intbagħat fil-31 ta’ Diċembru 1942. Minn dakinhar ‘l hemm, ma reġax kien hemm sinjal ieħor u kien meqjus li għereq wara li ntlaqat minn mina splussiva Taljana fl-ewwel jiem ta’ Jannar 1943, inqas minn ġimgħa wara li telaq minn Malta.
L-HMS P311 huwa l-uniku bastiment tax-xorta tiegħu li qatt ma ngħata isem. Kien se jingħata l-isem ta’ HMS Tutankhamen, iżda għereq qabel ma dan kien se jsir formalment.
Il-bugħaddas Bondone qal li l-ewwel ħsibijiet tiegħu xħin ra s-sottomarin marru fuq id-destin ta’ dawk li mietu f’qiegħ ta’ baħar. Destin li ħasad il-ħajja ta’ diversi nies miż-żewġ naħat tal-kunflitt.
Paola Pegoraro, mill-klabb tal-għaddasa L’Orso, qalet ma’ The Telegraph li Bondone seta’ jiddentifika b’ċertezza l-P311 minħabba karatteristika li kellu hu biss. Żewġ torpidows f’forma ta’ karru li jinsabu fuq in-naħa ta’ barra tas-sottomarin. Spjegat kif il-Ħadd huwa niżel b’kamera mal-elmu tiegħu, iżda ddeċieda li jerġa’ jinżel l-Erbgħa bid-dwal u biex jieħu filmat ta’ kwalità aħjar.
Bondone qal li s-sottomarin għadu intatt, bi ftit ħsara fil-pruwa, li aktarx kienet ikkawżata mill-mina splussiva. Żied li aktarx il-P311 għereq bl-arja ssiġilata ġewwa, u għaldaqstant l-ekwipaġġ eventwalment miet minħabba nuqqas ta’ ossiġnu.