Uffiċjali tad-Dwana kkonfiskaw 268 pakkett tat-tabakk li jiżnu 237 kilogramma, minn żewġt iħwienet fl-Imsida u ieħor f’Ta’ Xbiex, wara spezzjonijiet li saru f’diversi ħwienet.
L-Uffiċjali tad-Dwana kkonfiskaw ukoll tliet kilogrammi ta’ tabakk li jintuża mill-ħalq, flimkien ma’ sigaretti tal-kuntrabandu, u xorb alkoħoliku, minn ħanut tal-merċa f’Ħal Luqa.
Fi stqarrija maħruġa mid-Dwana, ġie spjegat li tabakk li ma jintużax għat-tipjip huwa pprojbit f’Malta u f’ħafna mill-istati membri tal-Unjoni Ewropea.
Skont il-liġi Maltija, ħadd ma jista’ jimporta, jimmanifattura, jipprepara, iżomm, jew ibigħ tabakk li mhuwiex se jintuża għat-tipjip.