Il-Pulizija qiegħda tinvestiga sejba ta’ katavru ta’ tfajla Niġerjana f’appartament fi Triq il-Kappuċini fir-Rabat Għawdex. It-tfajla li jisimha Ehis u kellha 23 sena.
Il-każ kien irrapportat lill-Pulizija għall-ħabta tas-1.15 p.m. u sorsi qrib il-pulizija kkonfermaw li l-każ mhux qed ikun ittrattat bħala omiċidju.
Il-Pulizija mid-Distrett tar-Rabat marru fuq il-post u malli daħlu fid-dar sabu lil mara mitluqa mal-art. Fuq il-post issejħet ambulanza sabiex tassisti lill-vittma, iżda sfortunatament hija ġiet iċċertifikata mejta fuq il-post.
Sorsi fuq il-post qalulna li l-mara daħlet l-isptar il-Ġimgħa filgħaxija b’uġigħ kbir fl-istonku u malli l-ħbieb tagħha maru jżuruha s-Sibt filgħodu, ma sabuhiex għax laħqet iffirmat u ħarġet mill-isptar. Fil-fatt l-istess sorsi kkonfermaw li l-mara ffirmat li toħroġ mill-isptar kontra l-pariri li ngħatat mit-tobba.
Jidher li l-mara kienet tgħix fl-appartament ma’ żewġt iħbieb tagħha li dehru mbikkma quddiem l-Għassa tar-Rabat.
L-istess sorsi qalu li l-awtopsja fuq il-katavru tagħha mistennija tikkonferma li l-mara mietet b’kawża naturali.
Dwar il-każ infetħet inkjesta mmexxija mill-Maġistrat tal-Għassa Joanne Vella Cuschieri li ħatret bosta esperti biex jassistuha fil-każ.
Il-Pulizija qed tinvestiga l-każ.