Fil-belt ta’ Minya, mitejn kilometru ’l bogħod minn Kajr, instab qabar eġizzjan b’iktar minn 40 mummja. Din hija t-tielet sena konsekuttiva li fiha saret sejba fis-sit ta’ Tuna-el-Gebel.
Flimkien mal-mummji nstabu numru ta’ għodod taċ-ċeramika. Din hija l-ewwel sejba arkeoloġika Eġizzjana żvelata din is-sena wara l-ftuħ mill-ġdid għall-pubbliku tal-qabar ta’ Tutankhamun.
Is-segretarju ġenerali għall-kunsill suprem tal-antikità, Mostafa Waziri, saħaq li filwaqt li l-oqbra nstabu f’qagħda tajba, ma nstabu l-ebda ismijiet miktuba fuqhom.
Madankollu l-mod kif inhuma mmummifikati juri li l-qabar huwa ta’ persuni li kellhom rwoli importanti jew prestiġġjużi. Dan filwaqt li fost il-mummji, minn tal-inqas tnax minnhom huma ta’ tfal.
Il-Ministeru Eġizzjan għall-antikitajiet żvela dan fuq il-paġna tiegħu fuq facebook. Il-Ministru għat-Turiżmu Eġizzjan Rani Al-Mashat saħaq li din is-sejba tkompli żżid l-aspettattivi għall-ftuħ tal-mużew Eġizzjan ġdid li hu ppjanat jiftaħ is-sena d-dieħla.
Huwa saħaq li l-arkeoloġija tal-pajjiż hija importanti sabiex tiġbed t-turisti lejn il-pajjiż li għadda minn tmien rivoluzzjonijiet u ammont kbir ta’ attakki terroristiċi f’dawn l-aħħar tmien snin.